Basketball Sport

BOV Knock-Out Irġiel: Hibernians kontra Starlites Revive mill-ġdid fil-finali

(Ritratt; Stephen Christopher Vella)

Colin Schembri

The Plaza Depiro……71

Hibernians…………….93

(17-28)(20-21)(25-20)(9-24)

Hibernians huma l-ewwel finalisti tal-BOV Knock-out b’rebħa ta’ 93–71 kontra The Plaza Depiro f’partita li kienet taħt il-kontroll tagħhom għal ħin twil għalkemm fit-tielet sessjoni sofrew rimonta qawwija ta’ Depiro. Il-Pawlisti għamlu differenza fil-kontribut mill-bank (40 punt kontra 17) u fil-fast breaks (26 kontra 15), kif ukoll fil-punti fiż-żona fejn kienu ferm aktar effettivi. Depiro kellhom mumenti pożittivi fit-tielet sessjoni, iżda Hibs reġgħu żiedu r-ritmu fl-aħħar u għalqu l-partita b’mod konvinċenti. Iż-żewġ timijiet ftit kellhom tibdil mill-aħħar ħarġa tagħhom. Depiro kellhom lil Michael Debattista fil-line-up u Hibs kellhom lil Vido Kustudija minflok Teo Gjurovski. Luca Stefanovic kellhu bidu mill-aqwa għal Depiro bi tlett trippli biex żamm lit-team tiegħu viċin tal-avversarji fl-ewwel ħinijiet. Wara parita ta’ 12-12 Hibs kellhom mument mill-aqwa b’run ta’ 13-0 bi trippla ta’ Piotr Stelmach u baskets minn Elijah Simmons u Ayo Ajiboye. Depiro wieġbu permezz ta’ trippla ta’ Nikola Bozovic biex Hibs temmew l-ewwel sessjoni 28-17 minn fuq. Fit-tieni perjodu, Depiro naqqsu d-distakk għal sitt punti 24-30 però Hibs malajr wieġbu bi break ieħor ta’ 8-0 maqsum bejn Jackson u Ajiboye u fetħu vantaġġ ta’ 14-il punt 40-26. Depiro kellhom risposta minn Felix Uadiale u Trevon Reddish però Hibs daħlu jistrieħu 49-37 minn fuq.

Fit-tielet sessjoni, Hibs fetħu vantaġġ massimu ta’ 19-il punt 58-39 wara baskets minn Ivan Demcesen, Matthew Gouder u Simmons. Hawn però Depiro għamlu rimonta mill-aqwa meta għamlu run qawwija ta’ 17-2 bi trippli ta’ Jean Paul Schembri u Sean Galea. Christian Narciso b’time-out ipprova jwaqqfilhom ir-run iżda Depiro baqgħu viċin bi trippla oħra minn Bozovic. Eżatt qabel tmiem it-taqsima basket ta’ Simic ta ftit tan-nifs lil Hibernians li bdew l-aħħar taqsima 69-62 minn fuq. Hawn kienu Depiro li komlew jagħfsu b’basket u trippla ta’ Uadiale u fit-tielet minuta kienu 5 punti minn taħt 68-73. Hawn però Hibs reġgħu ħadu l-partita f’idejhom u għamlu run importanti ta’ 12-0 b’punti minn Simmons, Demcesen u Stelmach fost l-oħrajn. Depiro waqqfuhom bi trippla ta’ Cornelius fis-seba’ minuta iżda Hibs għamlu 8 punti oħra mingħajr risposta biex rebħu l-partita 93-71

The Plaza Depiro: S. Galea 9, T. Reddish 10, N. Zivkovic, L. Stefanovic 15, JP Schembri 5, A.Trapani, S. Kenely, C. Cornelius 15, F. Uadiale 12, M. Debattista, N. Bozovic 5.

Hibernians: N. Cassar 2, E. Simmons 19, A. Ajiboye 15, L. Attard, L. Farrugia, P. Stelmach 8, V. Kustudja, M. Gouder 3, D. Jackson 27, M. Attard 6, I. Demcesen 9, S. Simic 4.

Referees: Bernard Vassallo, Nestor Rincon, Andre Attard

.

Starlites Revive………………108

Luxol Sherries Estates……95

(25-19)(31-32)(30-14)(22-30)

Għat-tieni sena konsekuttiva il-finali tal-Bank of Valletta Knock-out se tkun bejn Hibernians u Starlites Revive wara li t-team ta’ Paul Ferrante għelbu lil Luxol Sherries Estates fit-tieni semi-finali 108-95. Partita mill-isbaħ li offriet aktar minn 200 punt b’mumenti ta’ dunks spettakolari mill-Amerikani preżenti fuq iż-żewġ naħat. Statistikament ftit kien hemm x’jifred liż-żewġ timijiet, bl-eċċezzjoni tal-assists fejn Starlites kellhom 26 kontra it-18 ta’ Luxol fil-waqt li il-bank ta’ Starlites kellhu kontribuzzjoni ta’ 37 punt għat-23 li għamlu l-players ta’ Luxol. Iż-żewġ timijiet kienu bil-formazzjoni tal-aħħar partiti hekk kif Luxol qiegħdin jistennew ir-ritorn minn injury ta’ Nathan Xuereb. Il-partita fetħet bil-punti ta’ Musa Jallow għal Starlites. Luxol għamlu 8 punti mingħajr risposta minn Stefan Cappello u Adam Azzopardi. Wara punti Jayden Iturmendi, Cappello għamel trippla biex Luxol baqgħu fuq quddiem 13-11. Hawn Starlites għamlu break qasir ta’ 7-0 bi trippla minn Miguel Fabri. Luxol reġgħu irkupraw b’sitt punti però basket ta’ Jackson Threadgill u trippla ta’ Travis Fee temmew is-sessjoni favur Starlites 25-19.Fil-bidu tat-tieni perjodu, Starlites kellhom il-punti minn Alec Felice Pace u Fee biex kabbru l-vantaġġ għal 12-il punt. Għal xi ħin iż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin u minkejja li Luxol kellhom sensiela ta’ trippli fosthom minn Xavier Brewer, Miguel Brincat u Cappello xorta ma rnexxielhomx jieħdu l-vantaġġ. Ian Felice Pace u Fee kellhom il-punti għal Starlites però Luxol għalqu bi trippla ta’ Darron Howard u basket ta’ Jayden Johnson għal skor ta’ 56-51.

Starlites fetħu t-tielet taqsima b’run ta’ 9-2 bi trippla ta’ Threadgill iżda Luxol malajr irrispondew bi trippla ta’ Brincat u punti ta’ Howard u Johnson. Hawn Starlites kellhom mument tajjeb bi break ta’ 10-0 u dehru se jieħdu kontroll tal-partita b’vantaġġ ta’ 17-il punt 77-60 fis-seba’ minuta. Sa’ tmiem il-perjodu, saħansitra kabbru l-vantaġġ għal 21 punt wara trippla ta’ Matthew Scerri u punti ta’ Jallow 86-65. Fl-aħħar sessjoni, Luxol għamlu żewġ runs qosra ta’ 8-0 biex sal-ħames minuta naqqsu d-distakk għal 14-il punt 95-81. Starlites komplew bil-punti ta’ Andrew Aquilina u Threadgill li għaqqdilhom il-mitt punt. Luxol għamlu l-aħħar sforz b’baskets konsekuttivi minn Howard però l-vantaġġ ta’ Starlites kien biżżejjed għalijom biex jerbħu l-partita 108-95 u jaqtgħu passaġġ għat-tielet finali bejn Starlites u Hibs għal dan l-istaġun.

Starlites Revive: A. Felice Pace 4, K. Fabri, T. Fee 15, A. Aquilina 2, I. Felice Pace 7, M. Fabri 9, Z. Said Hollier, M. Scerri 13, J.Iturmendi 13, J. Threadgill 25, G. Camilleri. M. Jallow 20.

Luxol Sherries Estates: D. Howard 31,  A. Azzopardi 6, I. Azzopardi 2, N. Vasovic 8,  J. Johnson 9, M. Brincat 6, M. Iloube, X. Brewer 17, S. Cappello 16, S. Marra.

Referees: Fiorentina Ciurariu, Miguel De Flavia, Zvezdan Dobrosaviljevic