Lokali

“Huwa importanti li nżommu l-bżonnijiet tal-poplu fiċ-ċentru” – Annabelle Cilia

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

“Huwa importanti li nżommu l-bżonnijiet tal-poplu fiċ-ċentru għaliex b’hekk biss pajjiżna jista’ jkompli jimxi ‘il quddiem.”

Hekk saħqet il-kandidata l-ġdida tal-Partit Nazzjonalista Annabelle Cilia fejn tkellmet dwar l-importanza tat-trasparenza, il-kwalità tal-ħajja kif ukoll li ħadd ma jitħalla lura.

B’rabta mal-għoli tal-ħajja hija qalet li eluf ta’ familji Maltin u Għawdxin mhux qed ilaħħqu sal-aħħar tax-xahar jaħdmu kemm jaħdmu. Hawnhekk hija fakkret fuq l-importanza li l-COLA ma tkunx intaxxata. Hija qalet ukoll li hawn persuni li ekonomikament sejrin tajjeb iżda dawn xorta huma persuni li jum wara l-ieħor qed jeħlu fit-traffiku f’kull ħin tal-ġurnata.

Dan apparti li Annabelle Cilia saħqet ukoll fuq l-importanza li jkun hawn aktar spazji miftuħa madwar pajjiżna bil-għan li l-poplu jkollu kwalità ta’ ħajja aħjar.