Internazzjonali

Il-Ġappun: Suċċess elettorali għall-Prim Ministru Takaichi u l-Partit fil-Gvern

Il-Partit fil-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Sanae Takaichi, rebaħ b’mod deċiżiv  l-elezzjoni  ġenerali bikrija….Dan skont l-ewwel exit polls li ħarġu ftit tal-ħin ilu.

Ir-riżultat hu anki wieħed ta’ appoġġ kbir personali għal Takaichi li hi l-ewwel Prim Ministru mara tal-Ġappun u li issa tidher li se jkollha mandat ċar mill-pubbliku biex tmexxi – erba’ xhur biss wara li hi kienet laħqet Kap tal-Partit Liberali Demokratiku (LDP).

Intant, Takaichi qed tidher li marret ferm aħjar miż-żewġ predeċessuri tagħha li kienu mexxew lill-LDP għal disfatti…Sitwazzjoni fejn il-partit kien tilef il-maġġoranza tiegħu fil-Parlament minħabba diversi skandli ta’ korruzzjoni u n-nuqqas ta’ kontroll fuq il-prezzijiet.

Il-Ġappun ilu mmexxi minn koalizzjoni bl-LDP bħala l-akbar partit għall-maġġoranza assoluta tas-snin wara t-Tieni Gwerra Dinija…Dan ukoll meta l-pajjiż rari kellu Oppożizzjoni b’saħħitha.

Fil-fatt, l-elezzjoni bikrija saret wara li l-LDP kien tilef il-maġġoranza fiż-żewġt ikmamar tal-Parlament. fost il-kroll tal-koalizzjoni li kellu mal-Partit Komeito.

Dan ukoll meta, issa, qed jidher li l-LDP għandu jirbaħ 274 minn fost l-465 siġġu fil-Kamra tar-Rappreżentanti, — dejjem skont l-aħħar indikazzjonijiet minn Tokjo.