Lokali

“Il-PN irid li jkun hemm rispett fil-proċess tal-għażla tal-Prim Imħallef” – Il-Kap tal-PN Alex Borg

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

“Meta l-Prim Ministru Robert Abela żvela l-isem ta’ Imħallef għall-kariga ta’ Prim Imħallef huwa xekkel il-ħidma tal-ġudikatura u huwa għalhekk li l-Partit Nazzjonalista se jaċċerta li dawn id-diskussjonijiet ikomplu b’mod serju u fl-interess tal-poplu kollu.”

Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt attività politika li saret fil-Mosta fejn fost l-oħrajn tkellem dwar il-proċess ta’ ħatra tal-Prim Imħallef, il-proposta tal-4-day work week kif ukoll dwar il-fatt li pajjiżna għandu bżonn mudell ekonomiku ġdid.

Fil-bidu tad-diskors tiegħu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar fil-ħidma tal-eks Prim Ministru Eddie Fenech Adami li minn dejjem kellu viżjoni fit-tul għall-pajjiżna tant li wħud mill-affarijiet għadna ingawduhom sal-lum.

B’rabta mal-ħatra tal-Prim Imħallef Alex Borg spjega li kien ilu minn Jannar jgħid li hemm bżonn jiġi diskuss il-ħatra ta’ Prim Imħallef u meta kienu bdew id-diskussjonijiet huwa żamm kollox kunfidenzjali fl-interess ta’ kulħadd. Apparti minn hekk, huwa qal li l-Partit Nazzjonalista jrid Prim Imħallef li jintlaħaq bi qbil u mhux b’impożizzjoni.

Alex Borg fakkar li l-Prim Ministru xekkel il-ġudikatura ta’ pajjiżna meta ressaq isem fil-Parlament meta kien għadu ma ntlaħaqx qbil. Hawnhekk, huwa qal li l-Partit Nazzjonalista jrid li jkun hemm rispett lejn dan il-proċess tant importanti kif ukoll rispett lejn il-ġudikatura. Huwa saħaq li issa jittama li d-diskussjonijiet jibqgħu għaddejjin b’mod kunfidenzjali kif ukoll assigura li huwa qed jiddiskuti fl-interess tal-poplu kollu.

B’rabta mal-proposta tal-4-day work week, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Malta Employers tkellmet fuq din il-proposta u qalet dak li kien ilu jgħid il-Partit Nazzjonalista. Dan apparti li fakkar ukoll li din il-proposta l-Ministru Clyde Caruana mal-ewwel kien poġġiha fil-ġenb.

Intant, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jfassal politika li ma tħalli lil ħadd lura dan filwaqt li wiegħed li fl-ewwel 100 jum tiegħu bħala Prim Ministru huwa se jagħmel labour market study u jippubblikah dan hekk kif Gvern Laburista qatt ma ppubblika dan l-istudju.