Kollox qed jindika li Antonio Jose Seguro, il-kandidat tax-xellug, se jkun il-President ġdid tal-Portugall…Dan meta l-poplu jinsab involut sew fit-tieni rawnd deċiżiv tal-votazzjoni għall-Presidenza…
L-elezzjoni, fil-fatt, hi l-ewwel waħda fil-Portugall li kellha tgħaddi għal tieni fażi f’40 sena – u wara li l-ebda kandidat ma kien kiseb maġġoranza ta’ 50 fil-mija fl-ewwel rawnd tal-proċess li seħħ matul ix-xahar li għadda.
Sadanittant, l-elezzjoni qed titqies bħala ‘taqtigħa speċifika’ bejn is-Soċjalisti u l-estremisti tal-lemin li qed iżidu l-appoġġ fost il-Portugiżi. Dan meta mal-11-il miljun votant, fil-Portugall u ‘il hinn minnu, kienu eliġibbli biex jivvutaw fl-aħħar sigħat.
Antonio Jose Seguro, intant, qed imexxi lis-Soċjalisti Portugiżi waqt li r-rivali ewlieni, Andre Ventura, hu l-Kap tal-estremisti tal-lemin ‘Chega’…Kelma li tfisser ‘biżżejjed’ bil-Portugiż.
Intant, ir-riżultati uffiċjali ta’ din l-elezzjoni joħorġu fis-sigħat bikrin tat-Tnejn.
Fl-ewwel rawnd, Seguro kien kiseb mat-32 fil-mija tal-vot popolari waqt li Ventura – politiku mill-aktar kontroversjali – kellu mal-24 fil-mija mill-appoġġ tal-Portugiżi.
Għaldaqstant – irrispettivament mill-vantaġġ għal Segura – iċ-ċifra tal-voti għall-estremisti tal-lemin għandha ‘tisraq ix-xena’ ladarba l-proċess ikun konkluż.
B’hekk ukoll – u għalkemm ir-rwol ta’ President Portugiż hu, fil-parti kbira ċerimonjali – din il-votazzjoni qed isservi bħala barometru għax-xejriet politiċi rrifjutabbli fil-Portugall tallum.
Fl-aħħar sigħat, il-votazzjoni kienet qed issir fost maltemp qawwi u għargħar f’diversi bnadi tal-pajjiż – tant li talanqas 14 fost l-aktar kostitwenzi affettwati kellhom jipposponu l-votazzjoni għal 32,000 ruħ b’talanqas ġimgħa.
Il-Prim Ministru Portugiż, Luis Montenegro, qal li l-maltemp ħoloq kriżi devastanti iżda, fl-istess ħin, kienu qed jingħelbu l-ostakli għall-votazzjoni. Dan wara li ma ntlaqgħetx is-sejħa ta’ Ventura biex l-elezzjoni tal-bieraħ tkun posposta.
//= $special ?>

