Lokali

Jibdew iċ-ċelebrazzjonijiet tal-karnival fil-lokalità tal-Ħamrun

F’ġurnata xitwija mill-isbaħ, kienu bosta li rħewla lejn il-Ħamrun sabiex jibdew jiċċelebraw il-Karnival li jinsab ftit tal-jiem il-bogħod.

Minn karrijiet mimlijin kuluri, għal kumpaniji taż-żfin, ikel tradizzjonali tal-Karnival u anke ħafna familji lebsin kostumi ta’ kull xorti.

NetNews kien preżenti fi Strada Rjali l-Ħadd filgħodu, u tkellem ma’ numru ta’ ċkejknin li libsu lbiesi mill-isbaħ sabiex taw prestazzjoni mill-isbaħ ta’ żfin.

Iċ-ċkejknin spjegaw illi huwa ta’ pjaċir kbir għalihom li jilbsu u jagħtu gost lil dawk kollha preżenti. Fejn anke spjegaw li huma jkunu ħerqana sabiex jilbsu l-ilbies mimli kuluri.

Filwaqt li ż-żeffiena żgħażagħ spjegaw illi l-karnival huwa għal qalbhom ħafna u li jkunu ilhom jippreparaw għalih mill-karnival preċedenti. Tant li fl-aħħar xhur iqattgħu sigħat twal jippreparaw sabiex itellgħu dan l-ispettaklu.

Il-karnival fil-Ħamrun kellu jsir matul il-jum tas-Sibt iżda t-temp ma ppermettiex u għalhekk kellu jsir matul il-jum tal-Ħadd. Sitwazzjoni li sarrfet f’ċelebrazzjonijiet mill-isbaħ hekk kif wara l-maltemp ġie l-bnazzi u l-jum tal-Ħadd kien propju wieħed xemxi.

Intant, din l-attività timmarka l-bidu tal-ġimgħa tal-Karnival hekk kif fl-aħħar jiem ta’ din il-ġimgħa jissoktaw iċ-ċelebrazzjonijiet il-kbar kemm f’Malta u anke f’Għawdex.