Lokali

“L-unika kriżi kienet dik politika, li ġab il-Prim Ministru stess meta rrifjuta li jkompli jiddiskuti” – Analiżi tal-MaltaToday

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

“In-nuqqas ta’ qbil dwar il-Prim Imħallef qatt ma kienet se ssarraf fi kriżi kostituzzjonali. Anzi, kienet kriżi politika li ġab il-Prim Ministru stess meta rrifjuta li jkompli d-diskussjonijiet mal-Kap tal-Opożizzjoni sakemm jintlaħaq qbil”.

Kienet din il-konklużjoni ta’ analiżi tal-gazzetta Malta Today li eżaminat il-liġi kostituzzjonali ta’ pajjiżna wara li fl-aħħar jiem, il-Prim Ministru ressaq għall-vot l-isem tal-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, minkejja li ma kienx intlaħaq qbil mal-Kap tal-Opożizzjoni Alex Borg.

Filfatt, din l-analiżi tagħti raġun lil Alex Borg li spjega li fl-ebda ħin ma kienet se sseħħ kriżi kostituzzjonali f’pajjiżna, minkejja li ma ntlaħaqx qbil. Bl-analiżi tispjega, illi l-kostituzzjoni ta’ pajjiżna għanda minn tal-inqas żewġ mekkaniżmi li tipprevjeni milli sseħħ kriżi.

Il-Prim Imħallef attwali, Mark Chetcuti ċċelebra s-68 sena tiegħu fl-4 ta’ Frar u għaldaqstant kien ifisser it-tmiem tat-terminu tiegħu bħala Prim Imħallef. Minkejja dan, il-Parlament ma kienx għadu wasal għal qbil.

Il-Gvern Laburista insista li jekk ma ssirx diskussjoni u ma jittieħidx vot dwar l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, pajjiżna kien se jidħol fi kriżi kostituzzjonali.

Din ir-retorika waqgħet għal kollox hekk kif l-analiżi ddikjarat illi l-unika kriżi kienet dik politika li sforza l-Prim Ministru Robert Abela fuq pajjiżna meta webbes rasu u waqqaf id-diskussjonijiet mal-Kap tal-Opożizzjoni Alex Borg sabiex jintlaħaq qbil.