Lokali

“Mhux se nċedi pulzier” – Robert Abela dwar il-ħatra ta’ Prim Imħallef

Il-Prim Ministru kompla jinsisti li se tkun qed tgħaddi tiegħu fil-proċess ta’ ħatra ta’ Prim Imħallef għal pajjiżna.

F’diskors politiku ta’ madwar siegħa, il-Prim Ministru Robert Abela dawwar il-ħatra tant importanti ta’ Prim Imħallef għal pajjiżna f’ballun politiku sabiex ikompli bl-attakki tiegħu fuq il-Partit Nazzjonalista u l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg.

Fejn iddikjara li jekk dan il-proċess mhux ħa tgħaddi tiegħu, mela hu “mhux ħa jċedi pulzier”.

Filfatt, fid-diskors tiegħu, Robert Abela insista li fis-snin passati kien hemm qbil b’mod unanimu dwar isem ta’ Prim Imħallef, iżda għaliex din id-darba l-qbil għadu ma ntlaħaqx, il-Prim Ministru insista li din hija kattiverja – sempliċiment għaliex ma għaddietx tiegħu.

Tant hu hekk, illi saħanistra spiċċa jżeffen il-prċess li bih inħatret il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, fejn iddikjara li l-kundizzjoni mressqa mill-Partit Nazzjonalista dak iż-żmien – u cioè li dawk li kienu jagħmlu parti mill-kabinett tal-Ministri ta’ Joseph Muscat ma setgħux ikunu fl-ogħla kariga ta’ pajjiżna – hija wkoll nuqqas ta’ rġulija.

Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru kompli bir-retorika ta’ biża’ u instabbiltà fejn kompla jipprova jbeżża’ lill-poplu bi kriżi kostituzzjonali, li anke skont analiżi indepedenti kienet impossibbli li tiġri. U li anzi, kien propju l-Prim Ministru stess illi daħħal lil pajjiżna fi kriżi politika meta ressaq isem quddiem il-Parlament mingħajr ma kien hemm qbil bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni.

Iżda l-Prim Ministru Abela għażel li jattakka anke lil dawk li mhux qed jaqblu ma’ l-aġir tiegħu billi żeffen lill-Prim Imħallef attwali, Mark Chetcuti.

Fejn iddikjara li “Alex Borg kien se jdaħħalna fi kriżi kostituzzjonali, u hemm min qed jipprova jiddefendih però t-telefonata mal-Prim Imħallef Mark Chetcuti miegħi saret”.

Intant, f’dan id-diskors politiku Robert Abela għamel referenza għar-rapport tal-Fond Montetarju Internazzjonali fejn konvenjentament għażel li ma jsemmix kif dan l-istess rapport, iddikjara li l-mudell ekonomiku f’pajjiżna mhux sostenibbli.