Lokali Qorti

Mixli li seraq basket u xtara l-ikel bil-card misruqa

Paul Frendo Cumbo ta’ 60 sena mill-Ħamrun nżamm arrestat hekk kif ġie mixli li fil-25 ta’ Jannar li għadda seraq basket ta’ mara f’San Pawl il-Baħar u li wara mar jixtri l-ikel mill-Mosta b’card misruqa.

Fil-Qorti huwa ġie akkużat ukoll li s-serq tal-oġġetti kien ta’ valur li ma jaqbiżx il-€230 kif ukoll li sar riċediv.

Il-Prosekuzzjoni spjegat li dan il-każ beda wara li l-mara barranija għamlet rapport mal-Pulizija fejn mill-filmati tas-CCTV l-akkużat deher biċ-ċar jisraq dan il-basket. Ingħad ukoll li l-Pulizija kompliet tfittex lill-imputat sakemm irnexxielha tarrestah matul il-jum tas-Sibt.

Paul Frendo Cumbo wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih bl-avukat tal-għajnuna legali talbet għall-ħelsien mill-arrest iżda l-prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba l-biża tal-intralċ tal-provi.

Il-Qorti li kienet ippreseduta mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest f’dan l-istadju tal-proċeduri.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Cheyenne Mangion u għall-akkużat dehret l-avukat tal-għajnuna legali Sarah Ciliberti.