Lokali Qorti

Eks uffiċjal tal-Pulizija jingħata sena ħabs sospiża wara li xerred ritratti intimi tal-eks sieħba tiegħu

Eks uffiċjal tal-Pulizija ngħata sentenza ta’ ħabs sospiża wara li ammetta li xerred ritratti sesswali tal-eks sieħba tiegħu mingħajr il-kunsens tagħha. Clyde Bajada, ta’ 28 sena mill-Munxar, ammetta quddiem il-Maġistrat Jean Paul Grech li xerred ritratti sesswali mingħajr il-kunsens tal-vittma u li uża mezzi ta’ komunikazzjoni elettronika b’mod mhux xieraq.

Il-każ seħħ bejn l-1 ta’ Awwissu u l-20 ta’ Settembru 2024, meta l-akkużat, li dak iż-żmien kien għadu jservi bħala uffiċjal tal-Pulizija, ikkawża wkoll ħsara emozzjonali lill-vittma billi xerred l-imsemmija ritratti. Il-Qorti semgħet kif Bajada wettaq ukoll reat li, fid-dawl tal-kariga tiegħu bħala uffiċjal pubbliku, kellu d-dmir li jipprevjeni.

Mill-provi rriżulta li l-vittma kienet iltaqgħet miegħu wara li xtrat rota mingħandu għat-tfal tagħha. Bejniethom żviluppat relazzjoni intima, li matulha l-vittma bagħtitlu ritratti intimi tagħha. Aktar tard, ġie skopert li dawn ir-ritratti kienu ngħaddew lil persuni oħra mingħajr il-kunsens tagħha, fatt li wassal biex il-każ jiġi rrappurtat lill-Pulizija.

Fid-dawl tal-ammissjoni tal-akkużat, il-Qorti sabitu ħati tal-akkużi kollha u kkundannatu multa ta’ €4,500 kif ukoll sena ħabs sospiża għal perjodu ta’ sentejn. Il-Qorti enfasizzat li minkejja li l-akkużat għandu fedina penali netta u ammetta fi stadju bikri, ir-reati huma ta’ gravità akbar minħabba li twettqu minn persuna fdata bl-infurzar tal-liġi.

Ġie nnutat ukoll li każijiet bħal dawn jistgħu jimminaw il-fiduċja tal-pubbliku fil-Korp tal-Pulizija u jagħmlu ħsara lir-reputazzjoni tal-maġġoranza tal-uffiċjali li jaqdu dmirhom b’integrità. Il-Maġistrat Grech ħareġ ukoll ordni ta’ trażżin għal perjodu ta’ tliet snin favur is-sigurtà tal-vittma, filwaqt li wissa lill-ħati dwar il-konsegwenzi serji li jistgħu jirriżultaw jekk jikser tali ordni.