Lokali

Il-ħatra tal-Prim Imħallef: Id-Deputat Zammit Lewis b’appell għas-skiet u trankwillità

Waqt li Abela jgħid li mhux se jċedi pulzier Zammit Lewis jappella għal proċess trankwill fis-skiet

Id-Deputat Laburista u eks Ministru tal-Ġustizzja, Edward Zammit Lewis ħareġ f’botta ċara u tonda wara l-attività politika indirizzata mill-Mexxej Laburista Robert Abela.

Dan hekk kif b’rabta mas-saga tal-Prim Imħallef, permezz ta’ kitba fuq Facebook, Edward Zammit Lewis sostna li l-għaqal politiku jitlob li f’dan l-istadju – wara l-laqgħa tal-Ġimgħa – il-proċess għall-ħatra tal-Prim Imħallef, li introduċa hu, jibqa’ biss proċess trankwill, serju u fis-skiet.

Edward Zammit Lewis qal dan wara li f’attività politika, Robert Abela insista quddiem il-partitarji tiegħu li mhux se jkun qed iċedi pulzier.

Dan intqal jum wara illi Abela sostna li kien hemm diskussjonijiet pożittivi. U lest jibqa’ jiddiskuti – diskors li jmur għal kollox il-kontra ta’ dak li beda jisħaq quddiem il-partitarji tiegħu.

U filwaqt li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qed jappella għall-għaqda, diskussjoni u ftehim għall-ġid tal-pajjiż, u b’rispett lejn il-ġudikatura – Robert Abela qed juri biċ-ċar bi kliemu li mhux lest biex jiddiskuti imma jrid jibqa’ jimponi – minkejja li jrid ikun hemm qbil bejn iż-żewġ partijiet.

L-eks Ministru Edward Zammit Lewis, imwarrab u mqiegħed backbencher minn Abela nnifsu, insista li filwaqt li dan il-proċess irid isir b’mod trankwill u fis-skiet – b’xorti ħażina ma tantx qed isir hekk.

Huwa finalment appella sabiex jintgħażel Prim Imħallef ġdid li jagħti ċertezza u stabbiltà lill-Qrati tal-Ġustizzja.