Ir-riżultat tal-elezzjoni għall-Presidenza fil-Portugall qed jindika li l-poplu ma jridx jikkommetti ruħu għal politika estremista tal-lemin karatterizzata min-nuqqas ta’ tolleranza u kontroll aktar riġidu tal-libertajiet ċivili.
Dan wara li l-kandidat Soċjalista moderat, Antonio Jose Seguro, aċċerta minn rebħa enormi fl-elezzjoni deċiżiva għall-Presidenza Portugiża…Rebħa li waslet għall-ispejjeż ta’ Andre Ventura, il-kandidat estremista u anti-establishment tal-Partit Chega.
L-analisti, issa, qed jissuġġerixxu li l-appoġġ kbir għal Seguro, flimkien maċ-ċaħda ċara għal Ventura mill-elettorat, jindikaw li anki f’sitwazzjoni fejn Chega isir l-akbar partit fl-elezzjoni ġenerali li jmiss, din l-entità xorta waħda ma tkunx f’pożizzjoni biex tiggverna minħabba l-ostaklu provdut minn alleanza taċ-ċentru potenzjali.
Seguro, b’hekk, se jkun il-President tal-Portugall għall-ħames snin li ġejjin, u wara li hu ngħata wkoll appoġġ mill-konservattivi prominenti li esprimew tħassib dwar it-tendenzi awtoritarji u populisti ta’ Ventura.
Hu minnu li Seguro, issa, sar l-ewwel Kap ta’ Stat Soċjalista fil-Portugall għal dawn l-aħħar 20 sena u fejn qed jieħu post Marcelo Rebelo de Sousa – politiku konservattiv li kien dam President għal żewġ mandati konsekuttivi.
L-analisti politiċi f’Lisbona, fl-aħħar sigħat, qalu li l-vot tal-Ħadd mill-Portugiżi enfasizza l-impenn tagħhom favur il-ħelsien, id-demokrazija u l-futur ta’ pajjiżhom.
Fil-fatt, dawn il-jiem ta’ maltemp kbir fil-Portugall ma qatgħux qalb il-votanti li ħarġu jivvutaw bi ħġarhom għall-President…Dan ukoll minkejja li diversi muniċipalitajiet żgħar kellhom jipposponu l-vot b’ġimgħa minħabba l-għargħar.
Ir-riżultat finali tat-tieni rawnd tal-elezzjoni presidenzjali jaqra 66 fil-mija għal Seguro, b’34 fil-mija biss għal Ventura. Intant, ir-riżultat għal Ventura hu aħjar mit-23 fil-mija tal-appoġġ li l-Partit Chega, li jopponi l-immigrazzjoni. kien kiseb fl-elezzjoni ġenerali tas-sena l-oħra.
Il-Partit Chega, is-sena l-oħra, sar it-tieni l-akbar forza politika fil-Parlament fejn għadda lis-Soċjalisti u spiċċa inferjuri biss għall-Alleanza taċ-Ċentru Lemin li qed imexxi lill-Gvern Portugiż.
U minkejja t-telfa netta fl-elezzjoni tal-Ħadd, Ventura, li hu eks-kummentatur tal-isport għat-televiżjoni, żied fl-appoġġ personali bħala xejra oħra tat-tendenzi estremisti li qed jiżdiedu madwar l-Ewropa…Dan ukoll meta Ventura, issa, qed jilmenta li l-entitajiet li jiffurmaw is-sistema politika sħiħa (fil-Portugall) – mix-xellug għal-lemin – iddeċidew (skont hu) biex jingħaqdu fi front kontra tiegħu u l-Partit Chega.
Għalkemm il-Presidenza tal-Portugall, fil-parti kbira, tinvolvi rwol ċerimonjali, din il-kariga xorta teżerċita xi poteri sinifikanti – fosthom il-kapaċità biex ixxolji lill-Parlament u biex timblokka l-leġislazzjoni taħt ċirkustanzi ċari u speċifiċi.
//= $special ?>

