Lokali Qorti

Il-Qorti tal-Appell tikkonferma sentenza ta’ ħames snin ħabs għal tliet serqiet minn ħwienet

Il-Qorti tal-Appell ċaħdet it-talbiet ta’ Matthew Camilleri, ta’ 39 sena, biex fost oħrajn titnaqqas jew tinbidel is-sentenza ta’ ħames snin ħabs li kien ingħata b’rabta ma’ tliet serqiet minn ħwienet tal-merċa u dulċier.

Camilleri mill-Gżira – kien instab ħati li, f’temp ta’ jumejn f’Novembru tal-2020, flimkien ma’ mara li kienet kompliċi tiegħu, seraq flus minn The Convenience Shop f’Santa Venera u f’Ħal Balzan, kif ukoll minn Ta’ Xmun Confectionery f’Birkirkara.

Fl-appell tiegħu, Camilleri attakka x-xhieda u l-provi mressqa kontrih. Huwa sostna li l-kompliċi ma kinitx xhud affidabbli, hekk kif allegat li kienet gidbet dwar tarbija li qalet li kienet tiegħu. Qal ukoll li peress li l-mara ma kinitx akkużata flimkien miegħu, ix-xhieda tagħha ma setgħetx tintuża kontrih. Barra minn hekk, huwa ċaħad li wiċċu kien jidher fuq il-filmati tal-kameras tas-sigurtà, kif kienet qalet l-Ewwel Qorti.

Il-Qorti tal-Appell, ippreseduta mill-Imħallef Neville Camilleri, qieset li l-proċeduri kontra l-mara kienu ntemmu għal kollox u għaldaqstant ix-xhieda tagħha kienet ammissibbli. Dwar il-filmati tas-sigurtà, il-qorti spjegat li l-Ewwel Qorti ma kinitx qed tirreferi għall-wiċċ tal-akkużat, iżda għall-fatt li l-persuna li dehret fil-filmati kienet taqbel mad-deskrizzjoni mogħtija mix-xhud.

Fir-rigward tal-piena, il-Qorti tal-Appell qalet li s-sentenza kienet taqa’ fil-parametri tal-liġi. Ġie nnutat ukoll li Camilleri ma rnexxielux itemm b’suċċess il-proċess quddiem il-Bord ta’ Riabilitazzjoni ta’ Persuni li Nqabdu bid-Droga u li kellu storja twila ta’ ksur tal-liġi.

Il-qorti rrimarkat li l-appellant għandu jifhem li jekk verament irid ibiddel ħajtu, irid jagħmel sforz ġenwin biex jibdel l-imġiba tiegħu. Hija qalet li kien ingħata “opportunità tad-deheb” meta l-qorti assumiet il-funzjoni ta’ Qorti dwar id-Droga, u li kieku l-każ tiegħu quddiem il-Bord ta’ Riabilitazzjoni kien intemm b’suċċess, kien ikun jista’ jibbenefika minn piena ferm aktar favorevoli.