Lokali Parlament

It-tmexxija ekonomija u finanzjarja tal-Gvern dgħajfet il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin


Jerome Caruana Cilia, PN

Gvern li falla fil-politika finanzjarja tiegħu u għabba lill-familji Maltin u Għawdxin u l-ġenerazzjonijiet futuri, bl-akbar piż ta’ dejn li qatt kellu pajjiżna in terms of absolute numbers. Dan filwaqt li l-unika soluzzjoni biex ikabbar l-ekonomija Maltija kienet li jżid il-popolazzjoni b’mod esaġerat, mingħajr pjan u viżjoni fit-tul, b’impatt negattiv fuq il-kwalità tal-ħajja. Hekk iddeskriva t-tmexxija ekonomika u finanzjarja ta’ pajjiżna min-naħa tal-Gvern Laburista, ix-Shadow Minister Nazzjonalista għall-Ekonomija u l-Intrapriża Jerome Caruana Cilia waqt dibattitu fil-Parlament dwar l-estimi baġitarji għall-2026.


Fl-intervent tiegħu x-Shadow Minister Nazzjonalista pprovda analiżi fid-dettall tal-qagħda finanzjarja ta’ pajjiżna, li turi li l-politika tal-Gvern Laburista se twassal biex id-dejn ikompli jirranka fis-snin li ġejjin, tant li ftit tas-snin oħra, mistenni jintlaħaq rekord ġdid ta’ aktar minn €14-il biljun dejn.


Huwa spjega kif iċ-ċifri li jbassar il-Gvern stess mhumiex kredibbli, hekk kif regolarment jiżgarra drastikament minn dak li jkun ippreveda hu stess. Spjega kif matul l-2025, il-Gvern żgarra t-tbassir tan-nefqa tiegħu, meta nefaq xejn inqas minn €500 miljun aktar. Dan wassal biex pajjiżna spiċċa b’defiċit qrib Biljun ewro, wara li fil-Baġit kien ippreveda li ma jkunx ta’ aktar minn €849 miljun.


“Dan hu ċ-ċertifikat ta’ falliment finanzjarju tal-Gvern. Dawn huma l-fatti li Clyde Caruana u Robert Abela qatt ma jirribattu. Jgħidulek li mhux vera, imma ma jgħidulekx x’inhu vera”, qal Caruana Cilia. Id-Deputat Nazzjonalista rrimarka l-ironija li meta jkun qed jiċħad dawn il-fatti, il-Ministru tal-Finanzi jkun qed jarmi l-konsulenti tiegħu stess.

Dan għaliex il-Kunsill Konsultattiv Fiskali tal-Gvern, grupp ta’ esperti maħtura mill-Ministru għall-Finanzi bil-għan li jevalwaw il-politika finanzjarja u ekonomika tiegħu, ftit ilu wissa li l-infiq tal-Gvern se jpoġġi lil pajjiżna f’qagħda vulnerabbli u appellalu biex isaħħaħ il-finanzi pubbliċi ta’ pajjiżna.


Barra minn hekk, fakkar id-Deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia, rapport tal-Kummissjoni Ewropea lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet jgħid li Malta tinsab f’riskju li ma tkunx konformi mal-qafas fiskali tal-UE wara li qieset il-pjan tal-baġit għall-2026, filwaqt li wissiet li l-pajjiż għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jevita li tiżdied il-proċedura ta’ deficit eċċessiv li diġà hemm fis-seħħ kontra pajjiżna.


“Din hi r-realtà finanzjarja ta’ pajjiżna li se jħalli l-Partit Laburista fil-Gvern għall-ġenerazzjonijiet ta’ warajh. Mhux għal tal-qalba, li gawdew u ffangaw kemm felħu, iżda għall-kumplament, għall-maġġoranza tal-Maltin u Għawdxin”, insista Jerome Caruana Cilia.

Id-Deputat Nazzjonalista tkellem ukoll dwar l-ekonomija ta’ pajjiżna fejn ta’ ħarsa estensiva lejn il-prestazzjoni tagħha fl-aħħar xhur. Hawnhekk hu fakkar fejn minkejja li l-ekonomija Maltija kibret, il-qofol ta’ dan it-tkabbir, tal-mudell tal-Labour, kienet espansjoni esaġerata tal-popolazzjoni mingħajr pjan fit-tul u investiment serju fl-infrastruttura fost oħrajn. Pajjiżna ma kellux żieda fil-kompetittività jew fl-innovazzjoni, iżda sforz kontinwu li jgħabbu l-pajjiżna b’aktar cheap labour. “Bejn 2020 u 2024, il-popolazzjoni ta’ Malta kibret b’aktar minn 11%”, fakkar id-Deputat Nazzjonalista Caruana Cilia.


Huwa spjega kif il-gvern qatt ma ħaseb għal din l-iskala ta’ espansjoni u llum pajjiżna qed iħallas prezz qares, traffiku kull ħin tal-ġurnata, pressjoni enormi fuq is-saħħa u l-edukazzjoni, ambjent degradat u suq tal-proprjetà li jaqta’ qalb liż-żgħażagħ li jridu jibdew familja. Dan barra l-impatt li dan ġab fuq l-għoli tal-ħajja, li tul is-sena li għaddiet kienet regolarment sew ‘il fuq mill-medja Ewropea.


Fid-dawl ta’ dan, Jerome Caruana Cilia tenna l-appell tiegħu u tal-Partit Nazzjonalista li pajjiżna jixraqlu ferm aħjar. “Jeħtieg li inżidu l-livelli ta’ produttività f’pajjiżna mingħajr ma nkomplu nżidu l-popolazzjoni b’numri esaġerati mingħajr ippjanar. In-nies iridu kwalità ta’ ħajja aħjar bil-fatti. Irridu li l-fondi pubbliċi jintużaw għall-ġid komuni. Dan hu l-pedament li fuqu tinbena politika li toffri lill-poplu Malti tama ġdida ta’ prosperità, li madanakollu hi mibnija fuq dak kollu li hu ġust. Pjan li jara li verament ħadd ma jibqa’ lura”, temm jgħid id-deputat Jerome Caruana Cilia.