Lokali

Il-Viċi Sindku Laburista tal-Imqabba jżeblaħ lill-pazjenti bi problemi ta’ saħħa mentali

Wara li kien qal li n-nisa “jħobbu jissawtu”, issa juża l-pazjenti b’kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali biex jgħajjar lill-Kap tal-Oppożizzjoni. Il-PN jappella lil Robert Abela biex jikkundannah u jieħu passi.

Wara li ftit tax-xhur ilu l-Viċi Sindku Laburista tal-Imqabba Jonathan Dingli qala’ kritika qawwija talli f’kumment fuq il-media soċjali kien qal li n-nisa jħobbu jissawtu, illum – biex jgħajjar lill-Kap tal-Oppożizzjoni – uża l-mard mentali b’mod mill-aktar dispreġjattiv.

F’kumment ieħor, din id-darba, b’reazzjoni għal intervista li saret lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg, Dingli qal lill-Kap tal-PN biex “jipprepara ruħu għal Ward 10”.

Ward 10 kienet l-aktar sala meqjusa bħala ta’ sfida fl-Isptar Monte Karmeli u fil-fatt kienet ingħalqet ħafna snin ilu.

Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna bl-aktar mod kategoriku kliem Dingli li bħala Viċi Sindku għandu kariga li ġġorr magħha responsabbiltà, minbarra li jistenna apoloġija min-naħa tiegħu u jistenna li anke l-Mexxej Laburista Robert Abela jikkundanna dan il-kliem li qal u jieħu l-passi meħtieġa, u mhux jibqa’ sieket bħalma għamel meta l-istess kunsillier tiegħu qal li n-nisa jħobbu jissawtu.

Jidher li Jonathan Dingli ma tgħallem xejn u din id-darba, wara l-attakk tiegħu fuq in-nisa, dawwar il-kanuni fuq dawk rikoverati fl-Isptar Monte Karmeli li qed jużahom biex jipprova jiskorja xi punti politiċi. Meta kien għadda l-kummenti dwar in-nisa, is-Sindku Laburista tal-Imqabba Grace Zerafa wkoll kienet qagħdet lura milli tikkundannah. Il-PN jistaqsi x’pożizzjoni se tieħu issa wara li din id-darba żeblaħ lill-persuni b’kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali.

Il-Partit Nazzjonalista jappella għal aktar sensittività lejn dawk kollha li b’xi mod għaddejjin minn problemi ta’ saħħa mentali. Fi żmien meta suppost hawn ħafna għarfien dwar is-saħħa mentali, kliem bħal dan qatt ma jista’ jiġi ġġustifikat bl-ebda mod.