Għada, f’jum festa nazzjonali, se tkun qed tintlagħab il-finali tas-Super Cup organizzata mill-MFA. Se tkun finali bejn ir-rebbieħ tal-Malta Premier l-istaġun li għadda, Ħamrun Spartans kontra Hibernians, rebbieħa tal-Meridianbet FA Trophy, fit-tmiem tal-istaġun 2024/25.
L-istennija għal din il-logħba hija kbira, hekk kif se tkun id-39 finali fl-istorja tal-futbol Malti, bl-ewwel darba li dan it-trofew intrebaħ kien fl-1985 minn Rabat Ajax.
Filwaqt li minn dak iż-żmien ‘l hawn kien hemm darbtejn biss fejn din il-finali baqgħet qatt ma ntlagħbet, fiż-żmien il-pandemija tal-COVID-19. ċioè fis-sena 2020 u 2021, l-istorja tal-partiti preċidenti turina li dawn iż-żewġ timijiet se jkunui qed jilgħabu kontra xulxin għar-rebħ ta’ din il-kompetizzjoni għall-ewwel darba. Qatt qabel ma kien hemm finali tas-Super Cup bejn Ħamrun Spartans u Hibernians.
Sal-lum, il-Ħamruniżi rebħu s-Super Cup seba’ darbiet, b’tnejn minn dawn ir-rebħiet kienu fl-aħħar żewġ edizzjonijiet. Hibernians irnexxilhom jirbħu s-Super Cup erba’ darbiet, bl-aħħar darba tagħhom tkun fl-2022, meta dak in-nhar l-iskwadra minn Raħal Ġdid, kienu għelbu lil Floriana wara l-għoti tal-penalties hekk kif il-partita wara 120 minuta logħob kienet intemmet fid-draw ta’ mingħajr gowls.
Intant Net News jista’ jikkonferma li ż-żewġ timijiet rispettivi, partikolarment il-partitarji qed jippreparaw bis-sħiħ biex joħolqu l-isbaħ spettaklu possibli fl-istadium Nazzjonali, bl-attendenza għal din il-logħba mistennija tkun waħda sabiħa.
L-MFA, li f’dawn l-aħħar sentejn, fejn jidħlu kompetizzjonijiet ta’ dan il-livell qed torganizza speċifikament l-FA Trophy u s-Super Cup, appati ‘l bqija tal-kompetizzjonijiet l-oħra tad-diviżjonijiet inferjuri u dan l-istaġun il-Jubilee Cup, ukoll qed tipprepara sorpriża mhux tas-soltu u li tkompli toħloq spettaklu għal dawk li se jkunu preżenti fl-Istadium.
Hu mifhum li qabel il-bidu tal-partita, id-daħla tas-Super Cup se jkun differenti mis-soltu, u mhux se jkun hemm plejers li joħorġu bit-trofew biex it-tazza titpoġġa fil-grawnd. Minflok, it-tazza se tkun qed tinżel fil-pitch mil-ajru permezz tad-drone apposta, li se jkun qed iġorr it-tazza li se tkun qed tintrebaħ fl-aħħar tal-partita.
Dan id-drone se jniżżel it-tazza fil-ground, bit-trofew se tkun f’kaxxa apposta, u appena tkun fil-pitch, l-aqwa skorer ta’ kull żmien, Stefan Sultana, li lagħab maż-żewġ klabbs rispettivi matul il-karriera tiegħu se jkun qed jiftaħ il-kaxxa u jixef it-trofew.
Din se tkun idea oriġinali għal Malta, li għandha tkompli ssebbaħ l-ispettaklu għal dawk preżenti. Inizjattivi bħal dawn, inkluż dawk li introduċiet l-MPL fl-aħħar snin, juru l-isforzi kbar li qed isiru mill-MFA u dawn involuti fl-organizazzjonijiet ta’ dawn il-kompetizzjonijiet, biex l-esperjenza tal-parrtitarju Malti preżenti fl-istadiums lokali, dejjem tkun imtejba.
//= $special ?>

