Lokali

Jum għal internet iktar sigur

Din is-sena, il-Jum għal Internet Iktar Sigur qed jiġi ċċelebrat mad-dinja kollha fl-10 ta’ Frar. Huwa jum iddedikat għall-promozzjoni tas-sigurtà onlajn. Bħal fis-snin ta’ qabel, it-tema tibqa’ dik ta’ Flimkien għal Internet Aħjar, li tħeġġeġ azzjoni kollettiva mill-istakeholders kollha biex jinħoloq spazju diġitali iktar sigur, speċjalment għat-tfal u ż-żgħażagħ. Jeħtieġ li nkomplu naħdmu biex niżguraw li t-tfal jużaw l-internet b’mod responsabbli, rispettuż, kritiku u kreattiv.


It-tfal iqattgħu parti sinifikanti minn ħajjithom ta’ kuljum onlajn, li fiha jużaw it-teknoloġiji diġitali għat-tagħlim, id-divertiment, biex jaċċessaw l-informazzjoni, u biex jibqgħu konnessi mal-familja u l-ħbieb. Filwaqt li l-internet jipprovdi ħafna opportunitajiet, jesponi wkoll it-tfal għal firxa ta’ riskji, inklużi l-ħin eċċessiv quddiem l-iskrin, kontenut ta’ ħsara jew mhux xieraq, abbuż u sfruttament sesswali, is-cyber-bullying, l-użu ħażin ta’ informazzjoni personali, u riskji oħra li qed ifeġġu marbutin mal-pjattaformi li jitħaddmu mill-intelliġenza artifiċjali. Għaldaqstant jeħtieġ li niżguraw li t-tfal ikollohom esperjenzi pożittivi onlajn u li jkunu mogħnija bl-għerf u l-ħiliet meħtieġa biex jinnavigaw l-ambjenti diġitali u dawk mħaddmin mill-IA b’mod sigur u responsabbli.


Din l-inizjattiva għandha l-għan li tħares it-tfal meta dawn ikunu onlajn billi tqajjem kuxjenza u toffri għajnuna u sapport.


Biex jiġi kkommemorat dan il-jum importanti, se jittieħdu bosta inizjattivi. Ħafna skejjel impenjaw ruħhom li jiċċelebraw dan il-jum billi itellgħu diversi attivitajiet bis-sapport tat-Tim ta’ BeSmartOnline!. Skejjel u għaqdiet oħra għandhom aċċess għat-toolkit, li jikkonsisti fi pjanijiet għal lezzjoni u riżorsi oħra li ġew żviluppati mit-tim ta’ BeSmartOnline!. Din is-sena l-Uffiċċju żviluppa toolkit dwar l-użu responsabbli tal-IA. It-toolkit jikkonsisti f’ żewġ vidjows u żewġ pjanijiet ta’ lezzjoni għal-istudenti tal-primarja u dawk tas-sekondarja. Sar ukoll vidjow biex titqajjem kuxjenza fost il-ġenituri u dawk li jieħdu ħsieb it-tfal, liema vidjow se jitqassam permezz tal-pjattaformi tal-midja soċjali.


Bħala parti mill-isforzi tiegħu biex joħloq għarfien dwar l-użu sigur tal-internet, it-Tim ta’ BeSmartOnline! se jkun qed itella’ stand ta’ informazzjoni fil-Belt Valletta (ħdejn il-Parlament) fl-10 ta’ Frar bejn id-9.30 u n-12:30. Ġenituri/dawk li jieħdu ħsieb it-tfal huma mħeġġa jżuru dan l-istand biex jiksbu iktar tagħrif dwar l-użu għaqli tat-teknoloġija.