Nutar ta’ 38 sena mill-Mosta li bħalissa jinsab il-ħabs ġie ordnat mill-qorti biex iħallas lura kważi €33,000 lil mara li kienet fdatlu fondi għal xiri ta’ proprjetà li qatt ma twettaq. Thomas Vella, kien in-nurar li fl-2016 ippubblika il-kuntratt li għadda t-tliet sptarijiet pubbliċi lil Vitals Global Healthcare u li wara kellu jirriżenja u jittieħidlu l-warrant wara li kien mixli li ffroda fondi ta’ diversi klijenti.
L-eks nutar li qed iservi sentenza ta’ seba’ snin ħabs b’rabta ma’ misapproprjazzjoni mifruxa ta’ fondi ta’ klijenti, ġie ordnat iħallas lura depożitu u tariffi li mara kienet ħallsitu għall-akkwist ta’ appartament ġewwa l-Isla.
Matul diversi xhur, Stephanie Mintoff u qariba tagħha, Michelle, għaddew lil Vella aktar minn €32,000, li kienu jinkludu depożitu ta’ 10 fil-mija, taxxa provviżorja, tariffi nutarili u somom oħra li kellhom jitħallsu lis-sid tal-proprjetà. Il-flus, madankollu, qatt ma waslu għand il-bejjiegħ.
F’Novembru tal-2019, Mintoff ġiet infurmata li €20,362, li kienu jirrappreżentaw il-bilanċ pendenti tal-prezz tal-proprjetà, ma kinux tħallsu min-nutar. Minkejja li hija kienet diġà ħallset l-ammont kollu lil Vella, il-bejjiegħ fetaħ kawża kontriha.
Biex issolvi dak il-każ, Mintoff kienet imġiegħla tħallas €28,400, somma li kienet tinkludi l-bilanċ oriġinali, imgħax akkumulat tul is-snin u spejjeż tal-qorti. F’sentenza mogħtija fl-2024, il-qorti ddeċidiet li filwaqt li Mintoff baqgħet legalment responsabbli lejn il-bejjiegħ, kien ċar li hija kienet vittma ta’ kondotta frodulenti min-naħa tan-nutar.
Mintoff sussegwentement fetħet kawża ċivili kontra Vella biex tirkupra l-flus mitlufa. Il-qorti nnutat li l-eks nutar ma kkontestax it-talba u ammetta formalment ir-responsabbiltà tiegħu. L-Imħallef Miriam Hayman ordnat lil Vella biex iħallas lura lil Mintoff kważi €33,000, flimkien mal-ispejjeż tal-qorti.
Vella diġà qed iservi sentenza ta’ seba’ snin ħabs u ġie mmultat €150,000. Il-qorti kriminali ordnat ukoll il-konfiska ta’ €661,000. Fi Frar tal-2025, huwa nstab ħati f’proċeduri kriminali separati ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi u ġie pprojbit għal għomru milli jżomm warrant ta’ nutar.
Qabel ma ġie kkundannat, Vella ammetta li kien misapproprja flus minn 85 klijent. Fl-2022, Vella kien qed jiġi mfittxij minn numru ta’ klijenti rrabjati wara li ffroda b’għexieren ta’ eluf ta’ ewro f’depożiti ta’ djar. Paġna fuq Facebook imwaqqfa mill-vittmi tiegħu allegat li qed jgħix “stil ta’ ħajja lussuża”, inklużi inbejjed fini u biljetti għal logħbiet tal-futbol għaljin, li skont il-vittmi kienu iffinanzjati mill-flus misruqa tagħhom. Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ kienet tmexxiet mill-Ispetturi Rennie Stivala u Joseph Xerri.
//= $special ?>

