Eks kandidat għall-Presidenza Veneżwelana, Juan Pablo Guanipa, inħataf eżatt wara li ġie meħlus mill-arrest. Hu kien ġie arrestat mir-reġim ta’ Maduro f’Mejju tal-2025 wara li kkontesta r-riżultati tal-elezzjoni Presidenzjali 2024 – fejn Maduro żamm il-poter tiegħu – minħabba allegatament frodi elettorali.
Guanipa kien ġie arrestat mixli b’terroriżmu u tradiment għall-pajjiż minħabba li kkuntesta r-riżultat tal-elezzjoni.
Allegazzjonijiet ta’ frodi elettorali kienu komuni tul il-governanza ta’ Maduro. Skont analisti politiċi li ġabru tally sheets madwar il-pajjiż kollu fl-elezzjoni tal-2024, il-kandidat tal-Oppożizzjoni rebaħ l-elezzjoni b’distakk enormi. Madankollu, il-Kunsill Elettorali – li hu kkontrollat mill-istat – ħabbar li Maduro rebaħ għalkemm il-Kunsill ma pprovdiex il-provi li huma legalment rekwiżiti.
Juan Pablo Guanipa kien wieħed minn bosta politiċi li ġew arrestati taħt l-allegatament dittatorjat ta’ Maduro. Hu ġie meħlus nhar il-Ħadd flimkien ma’ l’fuq minn tletin priġuniera politiċi – xhar wara l-ħatfa ta’ Maduro innifsu mill-forzi armati tal-Istati Uniti.
Filwaqt li kien qed jiġi trasportat, Guanipa ġie maħtuf mill-ġdid iżda minn persuni mingħajr uniformi. Dawn l-aggressuri waqqfu l-vettura li kienet qed titrasporta lil Guanipa u ppuntaw bosta armi lejn it-traspurtaturi.
L-Oppożizzjoni sostniet li l-aggressuri kienu forzi fi ħdan il-gvern tal-Aġent President, Delcy Rodríguez, u stqarret li jekk Guanipa jiġi midrub l-Oppożizzjoni se tkun qed iżżomm lil Delcy Rodríguez direttament responsabbli.
Wara li Guanipa kien meħlus mid-ditenzjoni tal-istat, ibnu kien xandar filmat tiegħu jiċċelebra l-ħelsien ta’ missieru, iżda ftit siegħat wara spiċċa xandar filmat ieħor fejn ħabbar il-ħatfa ta’ missieru mill-ġdid. Fil-filmat ibnu talab għal provi li missieru għadu ħaj.
Rapporti li membru tal-Oppożizzjoni tal-Veneżwela nħataf minn partitarji ta’ Maduro


