Internazzjonali

Żewġ riżenji sinifikanti fil-Gvern ta’ Keir Starmer, filwaqt li l-partit tiegħu qed jinqasam

Iċ-Chief of Staff, Morgan McSweeney, u d-Direttur Eżekuttiv tal-Komunikazzjoni, Tim Allan, irriżenjaw inqas minn 24 siegħa minn xulxin.

Dawn ir-riżenji ġew f’mument ta’ kriżi għall-Gvern Laburista ta’ Starmer – li qiegħed jaffaċċja pressjoni biex jirriżenja minħabba l-mod kif immaniġja r-riżenja ta’ Lord Mandelson.

Mandelson kellu bosta rwoli importanti fi Gvernijiet Laburisti – inkluż Ambaxxatur lejn l-Istati Uniti taħt il-Gvern ta’ Starmer.

L-Epstein Files, li qed jiġu ppublikati mid-Dipartiment tal-Ġustizzja tal-Gvern Amerikan, żvelaw li meta kien Membru Parlamentari Laburista, Mandelson kien irċieva pagamenti minn Jeffrey Epstein biex jipprova jbiddel il-policy tat-taxxa tal-Gvern Laburista għall-benefiċju ta’ Epstein.

Ma’ dan l-aħbar, Mandelson irreżenja mill-Partit Laburista Britanniku. L-immaniġjar tar-riżenja ta’ Mandelson kienet waħda li qassmet il-Partit.

Il-Partit Konservattiv ressaq mozzjoni fil-House of Commons biex tkun ippublikata informazzjoni dwar il-proċess tal-vetting tal-Gvern ta’ Starmer li intuża fuq Mandelson qabel l-appuntamenti tiegħu fi rwoli importanti.

Min-naħa tagħha, it-tmexxija tal-Partit Laburista Britanniku ressqet emenda għal din il-mozzjoni biex ċertu informazzjoni dwar il-proċess tal-vetting li jirrelata mas-sigurtà nazzjonali u r-relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi ma jkunux ippubblikati.

Bosta Membri Parlamentari Laburista tkellmu kontra din l-emenda, u, intant, it-tmexxija tal-Partit ddeċidiet tbiddel l-emenda biex tipprovdi l-informazzjoni kollha iżda li tkun mibgħuta lill-Kumitat Parlamentari tal-Intelliġenza u s-Sigurtà għal deċiżjoni dwar l-ippublikar minflok tiġi ppubblikata mill-ewwel.

Din il-mozzjoni sabet biżżejjed appoġġ fil-Parlament iżda uriet qasma fil-Partit u ċertu saħħa parlamentari mill-Partit Konservattiv.

L-iskandlu ta’ Mandelson, u l-qasma fil-Partit qiegħdin jitfgħu pressjoni qawwija fuq il-Prim Ministru Starmer biex jirreżenja. Intant, il-mexxej tal-Partit Laburista fl-Iskozja, Anas Sarwar, illum pubblikament talab ir-riżenja ta’ Starmer.