Żewġ tfajliet, waħda ta’ 22 sena u oħra ta’ 19-il sena, ġew illiberati bil-kundizzjoni li ma jwettqu l-ebda reat ieħor fi żmien sena wara li nstabu ħatja li sprejjaw il-faċċati ta’ żewġt idjar f’Tas-Sliema. l-każ beda wara li raġel li jaħdem f’gabbana fil-lokalità nforma lill-Pulizija li ra liż-żewġ tfajliet jagħmlu ħsara lil proprjetà privata.
Meta l-pulizija marru fuq il-post, sabu liż-żewġ akkużati, li inizjalment ċaħdu li kienu involuti f’xi għemil ħażin. Madankollu, l-investigazzjonijiet komplew wara li l-istess tfajliet ġew identifikati f’filmati li tpoġġew fuq il-midja soċjali.
Waqt l-interrogazzjoni, iż-żewġ tfajliet ammettew li wettqu l-atti vandali. Huma tressqu l-Qorti u ġew mixlija mill-Ispettur Ian Azzopardi b’vandaliżmu, kif ukoll li wettqu r-reat waqt li kienu taħt l-influwenza tax-xorb alkoħoliku.
Fil-Qorti, wieħed mis-sidien tad-djar xehed li waqt li kien ħareġ idur bil-kelb ra l-kliem “RIP Gaby” miżbugħ b’żebgħa ħadra fuq il-faċċata tad-dar tiegħu. Sid ieħor qal li sab il-faċċata tal-proprjetà tiegħu sprejjata u spjega li kien diġà ngħata €1,652 bħala kumpens għall-ispejjeż, filwaqt li ħafer liż-żewġ tfajliet.
Il-prosekuzzjoni ppreżentat ukoll filmati tal-inċident. Wara li evalwa l-provi kollha, il-Maġistrat Leonard Caruana sab liż-żewġ tfajliet ħatja tal-vandaliżmu, iżda mhux ħatja li wettqu r-reat fi stat ta’ sakra. Meta waslet għall-piena, il-Qorti kkundannat dak li ddeskriviet bħala “att ta’ bluha” minn żewġ tfajliet żgħażagħ b’kondotta tajba. Minbarra l-libertà kundizzjonata għal sena, il-Qorti ordnat li jħallsu €767 lil wieħed mis-sidien tad-djar biex ikopri parti mill-ispejjeż tat-tiswija tal-ħsara.
//= $special ?>

