Fl-aħħar ġimgħat – u minkejja l-obbligu għall-verità totali – l-awtoritajiet amminstrattivi u d-Dipartiment tal-Ġustizzja Amerikan inxteħtu b’ruħhom u ġisimhom fi proċess ta’ ‘redaction’ – speċi ta’ ċensura – tal-informazzjoni sinifikanti u delikata miġbura fl-Epstein files… Informazzjoni li kapaċi ttappan darba għal dejjem ir-reputazzjoni ta’ mijiet ta’ politiċi, industrijalisti u artisti ta’ Hollywood.
Intant, numru akbar ta’ deputati Amerikani qed jgħidu li l-files relatati ma’ Epstein ma kellhomx ikunu suġġetti għal ċensura sa minn qabel id-Dipartiment għall-Ġustizzja ħariġhom fil-pubbliku.
Dan wara li l-membri tal-Kungress Amerikan bdew jirrevedu l-versjonijiet mhux iċċensurati tal-aħħar batch ta’ tlett miljun paġna ta’ dokumenti li bilfors iridu jkunu żvelati taħt l-Epstein Files Transparency Act.
Jeffrey Epstein kien instab mejjet fil-ħabs fl-2019, iżda mhux qabel laħaq ġabar ir-rendikonti ddettaljati tal-aġir ta’ għexieren ta’ sinjuruni u persuni b’influwenza kbira…Aġir li kien jikser in-normi kollha aċċettati mis-soċjetà.
Ro Khanna, Rappreżentanta Ewlenija tal-Partit Demokratiku, issa, ħarġet titkellem dwar ‘cover-up’ u qalet li l-awtoritajiet ikkonċernati ma mxewx mal-liġi meta, xhur ilu, l-aġenti tal-FBI ta’ Donald Trump, il-President Amerikan, kienu ċċensuraw il-files…Dan waqt li l-Viċi-Avukat Ġenerali tal-Istati Uniti, Todd Blanche, qed ikompli jinsisti li d-Dipartiment tal-Ġustizzja Amerikan impenja ruħu sew favur it-trasparenza.
Jidher ukoll li l-files ta’ Epstein kienu suġġetti għal assedju ta’ redactions wara li l-avukati għall-vittmi tal-abbuż sesswali ta’ Jeffrey Epstein u l-ħbieb sinjuruni tiegħu qalu li l-aħħar dokumenti deklassifikati li għaddew miċ-ċensura kienu jinkludu indirizzi tal-email flimkien ma’ ritratti ta’ persuni mingħajr ħwejjeġ u li setgħu jkunu identifikati mingħajr ċensura.
Żvilupp ieħor interessanti fiċ-ċirkustanzi jinvolvi lil Ghislaine Maxwell, l-assoċjata ta’ Jeffrey Epstein li kienet tressaqlu t-tfajliet li spiċċaw abbużati mill-biljunarju u sħabu.
Dan meta Maxwell, li tinsab il-ħabs, irrifjutat li twieġeb għall-mistoqsijiet pertinenti li sarulha mill-Oversight Committee tal-Kamra Amerikana għr-Rappreżentanti. Id-depożizzjoni għal Maxwell kienet waħda virtwali b’kollegament mal-kumpless tal-ħabs, f’Texas, fejn din il-mara qed tiskonta 20 sena priġunerija għal traffiku sesswali.
Intant, Ghislaine Maxwell baqgħet tinsisti bid-dritt tagħha li tibqa’ siekta u ma tixkef xejn dwar Epstein u l-files. Min-naħa tiegħu, ir-Repubblikan, James Comer, bħala ċ-Chairman tal-House Oversight Committee, esprima sens ta’ diżappunt, fost il-kumment li l-kumitat ma sar jaf xejn dwar il-vera ammont ta’ reati kommessi minn Maxwell u Epstein – wisq anqas dwar il-kollaboraturi ewlenin f’dan l-abbuż.
//= $special ?>

