Lokali

Alex Borg iżur l-aħħar preparamenti fl-imħażen tal-Karnival

Hekk kif matul tmiem din il-ġimgħa pajjiżna jiċċelebra l-Karnival – l-aħħar preparamenti għaddejjin bla waqfien għal dan l-avveniment li jkun mistenni minn bosta.

It-Tnejn filgħaxija, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg żar diversi mħażen tal-karrijiet tal-Karnival fejn tkellem mad-dilettanti preżenti u anke dawk li jieħdu ħsieb il-kumpaniji taż-żfin.

Huma esprimew miegħu kif dan huwa delizzju għal qalbhom ferm, u x-xogħol ikun ilu għaddej matul is-sena kollha – b’ideat mill-aktar uniċi.

Spikka l-fatt li diversi karrijiet jinkludu personaġġi diversi – anke internazzjonali. Fost kuluri u arti Maltija li tispikka f’kull karru.

F’kummenti ma’ Net News il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li l-Karnival huwa appuntament importanti speċjalment fejn tidħol il-kultura u l-arti f’pajjiżna.

Hu qal ukoll li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jimbotta politika li tgħin lil dawn l-artisti b’modi differenti – fost l-oħrajn li jkollhom l-ispazju meħtieġ fejn ikunu jistgħu jaħdmu matul is-sena u li tingħata wkoll assistenza b’saħħitha fejn jidħlu fondi ewropej u governattivi.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Karnival huwa importanti wkoll għall-pakkett turistiku ta’ pajjiżna u għalhekk il-Karnival se jibqa’ prijorità għall-Partit Nazzjonalista.

Għal din iż-żjara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg kien akkumpanjat mix-Shadow Ministers Charles Azzopardi, Julie Zahra u Graziella Galea.

Din is-sena, il-Karnival se jsir mit-13 sas-17 ta’ Frar – b’ċelebrazzjonijiet kbar anke fil-gżira Għawdxija.

Ritratti: Martin Agius