Colin Schembri
Hibernians………………83
Starlites Revive………93
(25-35)(18-16)(21-20)(19-22)
Starlites Revive rebħu il-Bank of Valletta Knock-out għal dan l-istaġun biex issa rebħu tlett unuri minn tlieta. Starlites issa ingħaqdu ma’ Luxol, Pembroke u Athleta li fil-passat rebħu dan l-unur għal erba’ snin konsekuttivi. Kif mistenni, l-partita li intlagħbet quddiem folla mill-aktar numeruża, kienet waħda kumbattuta b’total ta’ 24 three pointer. Hibs kellhom medja ta’ 0.93 punti għal kull pussess u Starlites kellhom 1.06. Starlites kienu fil-vantaġġ għal aktar minn 35 minuta u l-vantaġġ tagħhom fuq l-avversarji kien fil-fast breaks fejn kisbu total ta’ 22 punt għad-disgħa ta’ Hibs. It-trippli bdew ġejjin sa’ mill-ewwel minuti b’Hibs jibdew bi tnejn minn Matthew Gouder u Luke Farrugia u Starlites jirrispondu bi tlieta minn Travis Fee. Starlites marru fuq quddiem b’aktar three pointers din id-darba minn Matthew Scerri u Musa Jallow u komplew bil-punti ta’ Alec Felice Pace u fit-tmien minuta kienu 27-20 minn fuq. Wara li Ayo Ajiboye wieġeb għal Hibs, Starlites għalqu t-taqsima b’żewġ trippli oħra minn Scerri u Miguel Fabri għal skor ta’ 35-25. Fabri kompla għaddej fil-ftuħ tat-tieni perjodu għalkemm Hibs wieġbu permezz ta’ Deonte Jackson u Elijah Simmons. Hawn kien Jallow għal Starlites li kiseb punti konsekuttivi biex fis-seba’ minuta kabbrilhom il-vantaġġ għal 17-il punt 51-34. Hibstemmew it-taqsima bl-aħjar mod meta għamlu run ta’ 9-0 bil-punti ta’ Farrugia, Ivan Demcesen u trippla ta’ Gouder għal skor ta’ 43-51.
Wara l-intervall, għal darbtejn Hibs naqqsu d-distakk għal basket wara punti minn Ajoboye u Demcesen. Starlites wieġbu bi trippla ta’ Felice Pace u punti minn Fee biex reġgħu marru 9 minn fuq 62-53. Hibs ġew lura bi trippli ta’ Stefan Simic, Simmons u Neil Cassar għal skor ta’ 64-71. Fl-aħħar taqsima, Starlites għamlu run importanti ta’ 10-0 bi trippli minn Jackson Threadgill u Felice Pace u fir-raba’ minuta marru 14-il punt minn fuq 67-81. Hibs wieġbu bil-punti ta’ Matthew Attard, Simmons u Ajiboye u fl-aħħar minuti għamlu sforz ieħor bi trippli minn Gouder biex minuta u nofs mit-tmiem kien hemm sitt punti jifirdu liż-żewġ timijiet bi Starlites fuq quddiem 86-80. Fl-aħħar nofs minuta, Hibs ippruvaw iwaqqfu l-arloġġ però Jallow għamel ħames free-throws wara xulxin biex issiġilla r-rebħa għat-team ta’ Paul Ferrante fuq skor ta’ 93-83. Fi tmiem il-logħba, it-Trofew Knockout tal-BOV Basketball tal-1 Diviżjoni ġie ppreżentat uffiċjalment lil captain ta’ Starlites Matthew Scerir minn Ernest Agius, Uffiċjal Kap tal-Operazzjonijiet fil-Bank of Valletta, u Paul Sultana, President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Basketball, li enfasizzaw is-sħubija b’saħħitha bejn il-BOV u l-komunità nazzjonali tal-basketball. Jallow spiċċa b’25 punt u kiseb l-unur tal-MVP u ngħata plakka kommemorattiva għall-prestazzjoni tiegħu.
Il-Kompetizzjoni Knock-Out tal-BOV Basketball tkompli tkun waħda mill-aktar
tournaments antiċipati fil-kalendarju tal-basketball Malti. L-edizzjoni ta’ din is-sena, li saret bejn it-30 ta’ Jannar u l-10 ta’ Frar 2026, żammet ir-reputazzjoni tagħha għal logħbiet elettrizzanti, rivalitajiet qawwija bejn it-timijiet, u format li jirrikjedi reżiljenza,ħidma f’tim, u eżekuzzjoni ta’ livell għoli minn kull skwadra parteċipanti. Il-Bank of Valletta jibqa’ impenjat bis-sħiħ li jappoġġja l-isport Malti u jsaħħaħ l- involviment tal-komunità permezz ta’ sħubijiet fit-tul bħall-kollaborazzjoni tiegħu mal- Assoċjazzjoni Maltija tal-Basketball.
Hibernians: N. Cassar 3, E. Simmons 9, A. Ajiboye 11, L. Attard, L. Farrugia 7, P. Stelmach, M. Gouder 16, D. Jackson 6, M. Attard 5, T. Gjurovski, I. Demcesen 23, S. Simic 3.
Starlites Revive: A. Felice Pace 17, K. Fabri, T. Fee 15, A. Aquilina, I. Felice Pace, M. Fabri 8, Z. Said Hollier, M. Scerri 9, J.Iturmendi, J. Threadgill 16, G. Camilleri. M. Jallow 28.
Referees: Bernard Vassallo, Miguel De Flavia, Zvezdan Dobrosaviljevic
//= $special ?>

