Il-perseveranza u d-determinazzjoni li joħorġu rebbieħa fid-39 finali tas-Super Cup fl-istorja, ippremjat lil Hibernians. Bla dubju ta’ xejn, dik tal-lum kienet waħda mill-isbaħ finali tas-Super Cup, b’tmiem mill-aktar drammatiku hekk kif Hibernians, l-ewwel irnexxilhom jisfurzaw il-ħin barrani meta skorjaw il-gowl tad-draw, disa’ minuti mit-tmiem tal-logħba.
Eventwalment, tal-Pagun rebħu l-logħba b’goal deċiżiv sekondi biss qabel tmiem il-ħin barrani, hekk kif kollox kien qed jindika li r-rebbieħ tal-edizzjoni tas-Super Cup ta’ din is-sena, kien se jkun deċiż permezz tal-għoti tal-penalties.
Għal bosta dan is-suċċess mill-iskwadra taħt it-tmexxija tal-kowċ Branko Nisevic jista’ jitqis bħala wieħed sorprendenti, hekk kif sa minn qabel dan il-konfront il-favoriti kienu Ħamrun Spartans. Iżda fi kwalunkwé finali, m’hemmx favoriti u r-riżultat jista’ jmur fuq kull naħa u hekk ġara llum.
L-Ispartans marru qrib li jiftħu l-iskor fil-21 minuta meta konklużżjoni minn tarf il-kaxxa taż-żagħżugħ Shaisen Attard ħabtet mal-lasta u baqgħet sejra barra.
Madankollu, qabel l-ewwel nofs siegħa logħob, Ħamrun Spartans irnexxilhom jiżblukkaw ir-riżultat, meta rebħu penalty wara li r-referee, Alex Johnson saffar fawl fuq il-Kolombjan, Damir Ceter. Johnson iġġudika l-kuntatt li tal-captain ta’ Hibernians fuq Ceter fil-kaxxa bħala wieħed irregolari.
Mill-11-il metru mar sabiex jagħti l-penalty , Emerson Marcelina li għeleb lill-goalkeeper Rumen, Laurențiu Brănescu għal skor parzjali ta’ 1-0.

Fit-tieni taqsima, bil-logħba dehret riesqa lejn it-tmiem, Hibernians rebħu penalty meta fit-80 minuta, id-difensur Serb, Ognjen Bjelicic deher iwaqqaf lis-sostitut ta’ Hibernians, Miullen b’mod irregolari u r-referee Johnson saffar it-tieni penalty tiegħu f’din il-finali.
B’disa’ minuti mit-tmiem tal-logħba, dan kien iċ-ċans tad-deheb li l-Pawlisti ma setgħux ifallu. Kien l-istess attakkant Brażiljan, Miullen li mar biex jagħti l-penalty li ma żbaljax biex kiseb il-gowl tad-draw.
Sat-tmiem tad-90 minuta l-iskor baqa’ l-istess, biex kif kien ġara l-aħħar, fl-2022, il-finali tas-Super Cup marret għall-ħin barrani. Erba’ snin ilu, il-finalisti kienu ukoll Hibernians, li f’dwell dirett kontra Floriana spiċċaw biex rebħu l-edizzjoni ta’ dik is-sena 5-4 wara l-għoti tal-penalties.

Ebda miż-żewġ timijiet ma rrnexxilu jkun perikoluz biżżejjed fl-ewwel taqsima tal-ħin barrani, biex l-iskor baqa’ dak ta’ 1-1. Madankollu fit-tieni taqsima, diversi episodji waslu biex il-konfront intilef u intrebaħ.
Wara żewġ minuti mil-ftuħ tat-tieni taqsima tal-ħin barrani, ir-rebbieħa tal-FA Trophy fl-istaġun li għadda, Hibernians laqtu l-lasta, meta daqqa ta’ ras tal-Messikan, Rubén Hernández stampat mal-wieqfa.
Seba’ minuti wara, Ħamrun Spartans spiċċaw jilgħabu b’għaxar plejers fil-pitch, meta Bjelicic, li kellu diġa’ karta safra, wettaq fawl f’tarf il-kaxxa u Johnson mhux biss saffar il-fawl iżda wera t-tieni karta safra lil Bjelicic u Hibernians kien se jkollhom superjoritá numerika fl-aħħar ftit minuti tal-ħin barrani.
Hekk kif il-120 minuta kienu skadew u r-referee ta l-ħin miżjud fit-tmiem tat-tieni taqsima tal-ħin barrani, Hibernians għamlu dak li deher imprevedibbli. L-Iżvizzeru, Kevin Halabaku xeħet xutt mill-bogħod, bil-ballun jaħbat ma’ Miullen, u bil-goalkeeper Henry Bonello maħsud, il-ballun baqa’ dieħel fix-xibka fost il-ferħ u ċ-ċelebrazzjonijiet kbar mill-plejers, staff tekniku, membri tal-kumitat u partitarji ta’ Hibernians.
Kien gowl li wasal f’mument fejn Ħamrun Spartans ma setgħu qatt jirkuprawħ hekk kif il-logħba kienet sekondi biss ‘il bogħod milli tmur għall-għoti tal-penalties. Il-gowl tar-rebħa kien mogħti lil Halabaku, li bis-saħħa tal-konkliużżjoni tiegħu mid-distanza, il-Pawlisti rebħu t-trofew tas-Super Cup għall-ħames darba fl-istorja tagħhom.
Referee | Alex Johnson
Plejer tal-partita | Emerson Marcelina (Ħamrun Spartans)
//= $special ?>

