Lokali Qorti

Jingħata l-ħelsien mill-arrest

Raġel ta’ 26 sena minn Birkirkara ngħata l-libertà proviżorja wara li wieġeb mhux ħati li weġġa’ b’mod ħafif lis-sieħba tiegħu f’diversi okkażjonijiet.

L-akkużat tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Ingrid Bianco u ġie akkużat li weġġa’ lill-mara fil-5 ta’ Frar li għadda, kif ukoll fit-12 ta’ Novembru, fit-23 ta’ April u fit-28 ta’ Marzu li għadda.

Il-koppja għandhom tifla minorenni flimkien.

Huwa ġie mixli wkoll li kkawża ħsara fil-propjetà tagħha, aggredieha, insultha u heddidha, kif ukoll b’reċidiva.

Il-vittma rrappurtat il-każ l-Mtarfa Domestic Violence Hub, fejn qalet li kienu f’relazzjoni għal ħafna snin, infirdu madwar sena ilu iżda baqgħu jiltaqgħu.

Fil-Qorti, il-vittma qalet li fil-5 ta’ Frar marret fil=ħanut tiegħu, argumentaw u l-kwistjoni eskalat f’alterazzjoni fiżika, fejn allegat li hu tah daqqiet.

L-avukat tad-difiża talab ghall-libertà proviżorja, u sostna li ż-żewġ verżjonijiet ittieħdu mill-Pulizija u li r-raġel ikkoppera bis-sħiħ.

Ġie nnutat ukoll li minkejja r-rapport, il-koppja kienu għadhom jiltaqgħu u kellhom anke pjanijiet biex jieklu flimkien dakinhar tal-arrest.

Il-Qorti laqgħet it-talba għal bail fuq depożitu ta’ €5,000 u garanziji personali ta’ €30,000, b’kundizzjonijiet li r-raġel jiffirma kuljum il-ktieb tal-bail u josserva curfew.