Lokali

L-Ewroparlamentari Maltin jappellaw għall-għajnuna finanzjarja wara l-ħsarat tal-maltempata Harry

Il-maltempata Harry ħalliet ħafna ħsara lill-infrastruttura, il-bdiewa u s-sajjieda u fis-servizzi essenzjali. Għalhekk, l-MEPs Maltin appellaw sabiex l-Unjoni Ewropea tipprovdi għajnuna finanzjarja lil pajjiżna.

F’dibattitu li sar fil-Parlament Ewropew, l-ewroparlamentari Maltin ikkritikaw l-aċċes għall-Fond Ewropew ta’ Solidarjetà, fejn spjegaw li huwa żbilanċjat fil-konfront ta’ stati gżejjer bħal Malta.

Filfatt, il-Kap tad-delegazzjoni tal-MEPs tal-Partit Nazzjonalista David Casa appella sabiex l-Unjoni Ewropea tkun aktar solidali u effettiva ma’ Malta u l-pajjiżi l-oħra li ntlaqtu mill-maltempata Harry. Casa enfasizza illi l-ħsara li lill-infrastruttura, lill-propjetà u l-mezzi tal-għajxien kienet drastika u wissa li l-kriterji għall-aċċess għall-fond, jagħmluha diffiċli sabiex Malta tirċievi l-għajnuna.

Minn naħa tiegħu, l-MEP Nazzjonalista Peter Agius kiteb lill-kummissjoni Ewropea fejn saħaq illi l-poplu Malti u Għawdxi kollu qed isofri frott it-tibdil fil-klima. Għalhekk huwa tenna li hija ironija kif meta pajjiżna jeħtieġ l-għajnuna, ma jsibx solidarjetà mill-Ewropa.

Madanakollu, l-MEP Thomas Bajada qal li l-ġranet ta’ maltemp setgħu ħallew il-familji mingħajr ikel. Fejn minn naħa tiegħu, l-MEP Daniel Attard spjega li fil-każ tal-maltempata Harry, ħareġ ċar li t-tibdil fil-klima ma tiddisriminax bejn l-istati.

Intant, minn naħa tiegħu, Alex Agius Saliba spjega li l-Unjoni Ewropea għandha tassigura li tingħata l-għajnuna.