Internazzjonali

L-Ukrajna: Ir-Russja ttaffi l-aspettativi dwar il-paċi

Il-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin, Sergei Lavrov, wissa kontra s-sens ġdid ta’ ottimiżmu fi ħdan il-komunità internazzjonali — fost l-ispekulazzjoni li l-gwerra fl-Ukrajna tista’ tieqaf qabel tagħlaq erba’ snin, proprju dan ix-xahar.

U minkejja li l-Istati Uniti, fir-rwol ta’ medjatur, qed tagħfas għal forma ta’ ftehim biex il-kanuni jaqgħu siekta, Lavrov għamilha ċara li fadal ħafna xi jsir qabel wieħed jista’ jgħid tassew li pajjiżu u l-Ukrajna qabdu sew it-triq lejn il-paċi.

Il-kummenti ta’ Lavrov kienu pubblikati jiem biss wara l-aħħar taħditiet diffiċli f’Abu Dhabi bejn ir-Rappreżentanti tal-Ukrajna, ir-Russja u l-Istati Uniti.

Intant, ir-Russja mhix tidher disposta li tnaqqas mid-domandi oriġinali fejn, akkost ta’ kollox, trid il-garanziji li r-reġjun sħiħ tad-Donbas, lejn il-lvant tal-Ukrajna, isir uffiċjalment estensjoni tal-artijiet taħt il-kontroll ta’ Moska.

Dan ukoll meta l-President Russu, Vladimir Putin, baqa’ jopponi l-prospett li l-Ukrajna, xi darba, tifforma parti mill-Alleanza tan-NATO, inkella li dan il-pajjiż jilqa’ f’artu lit-truppi tal-Punent bħala parti minn missjoni għall-ħarsien tas-sigurtà.

Min-naħa tiegħu, il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, għadu jinsisti li l-garanziji konkreti għas-sigurtà huma l-unika bażi reali għall-paċi….Dan waqt li wissa li r-Russja, fil-futur, kapaċi tmur lura mill-wiegħda potenzjali biex ma twettaqx kampanja militari ġdida kontra l-Ukrajna jew xi pajjiż ieħor fir-reġjun.

Sadanittant, il-qawwiet Russi qed ikomplu jattakkaw lill-infrastruttura tal-enerġija fl-Ukrajna, proprju fi żmien meta l-Ukreni qed jiffaċċjaw l-elementi brutali tax-xitwa — fost it-temperaturi li niżlu għal bejn 20 u 30 grad taħt iz-zero.

Fi żvilupp ieħor, Moska qalet li ma tfasslitx data għal rawnd ġdid ta’ taħditiet dwar l-Ukrajna, iżda sostniet li kapaċi jsiru dalwaqt in-negozjati f’dan ir-rigward.

Sadanittant, l-Ukrajna u Franza qablu biex jibdew jipproduċu l-armamenti bħala parti minn proġett konġunt.

Dan waqt li l-President Zelensky żvela li pajjiżu se jkun qed jesporta l-armamenti li jipproduċu l-istess Ukreni bħala skema għall-fondi addizzjonali bil-għan li l-pajjiż isostni d-difiżi kontra l-aggressjoni ta’ Putin.

Fl-aħħar sigħat ukoll, l-Unjoni Ewropea proponiet li testendi s-sanzjonijiet fuq Moska b’mod li jinkludi lill-portijiet f’Ġorġja u l-Indoneżja li qed iżommu l-kunsinni taż-żejt li tipproduċi r-Russja.