Basketball Sport

Mapfre MSV Life Knock-out Nisa: Hibernians jerbħu in-Knock-out għad-dsatax il-darba

Ritratt: Stephen Christopher Vella

Colin Schembri

Caffè Moak Luxol……….59

Hibernians …………………62

(16-12)(7-21)(13-3)(23-26)

It-team ta’ Hibernians huma r-rebbieħa tal-Mapfre MSV Life Knock-out għal dan l-istaġun wara li fil-finali għelbu lil Caffè Moak Luxol 62-59 f’partita li baqgħet kumbattuta sal-aħħar. Dan kien id-dsatax il-suċċess ta’ Hibernians f’din il-kompetizzjoni u l-ewwel unur tagħhom dan l-istaġun. L-akbar differenza għamluha il-punti mit-turnovers fejn Hibs għamlu 21 punt minn 15-il turnover ta’ Luxol filwaqt li Luxol għamlu 6 punti minn 17-il turnover. Kien hemm bilanċ fil-punti minn fast breaks u minn fuq il-bank filwaqt li Luxol kellhom 13-il minuta fil-vantaġġ u Hibs kellhom ftit anqas minn 25. Luxol fetħu tajjeb b’żewġ trippli minn Olivia Wikstrom u oħra minn Gwen Carabott. Hibs wieġbu bil-punti minn Hayley Macleod u Maria Bonett u trippla ta’ Steffi De Martino. Luxol kellhom trippla oħra minn Jada Saidu temmew l-ewwel sessjoni 16-12 minn fuq. Fit-tieni taqsima, Luxol kabbru l-vantaġġ bi trippla ta’ Eve Axisa. Hawn però wasal mument mill-aqwa għal Hibernians hekk kif għamlu run ta’ 17-0 b’punti minn Maria Bonett, Andie Saliba u De Martino biex marru 31-19 minn fuq Luxol finalment wieġbu bi trippla ta’ Carabott però Hibs daħlu jistrieħu 33-23 minn fuq.

Wara l-intervall, l-andament tal-partita reġa’ nbidel fejn Hibs għamlu biss tlett punti. Luxol kellhom run ta’ 10-0 bi trippla ta’ Wikstrom flimkien ma’ Axisa u marru punt minn fuq għalkemm Hibs ippareġjaw 36-36 wara free-throw ta’ Macleod. L-aħħar sessjoni riedet tiddeċiedi r-riżultat finali u kienu Hibs li bdewha l-aħjar meta għamlu seba’ punti mingħajr risposta minn De Martino, Macleod u Marie Buhagiar. L-ewwel punti ta’ Luxol ġew minn Wikstrom b’Vanya Baldacchino tagħmel żewġ baskets wara xulxin u d-distakk reġa’ niżel għal basket 50-52 bi ftit anqas minn żewġ minuti għat-tmiem. Hibs reġgħu kabbru l-vantaġġ b’baskets kruċjali ta’ Lara Micallef u għalkemm fl-aħħar 52 sekonda Wikstrom għamlet żewġ trippli oħra, punti ta’ De Martino u Macleod għalqu l-partita favur il-Pawlisti fuq skor finali ta’ 89-61. Il-player ta’ Hibernians Steffi De Martino b’persentaġġ finali ta’ 32%, 3assists, 11-il rebound,4 steals u 20 punt rebħet l-unur tal-MVP tal-finali hekk kif Sam Grech f’isem Mapfre MSV Life flimkien mas-Segretarju Ġenerali tal-MBA Joseph Muscat ippreżentaw it-trofew lill-istess De Martino fost il-ferħ tal-partitarji u diriġenti ta’ Hibernians.

Caffè Moak Luxol: G. Carabott 6, K. Magro, E. Axisa 10, L. Fenech Pace 7, R. Fenech Pace, A. Xuereb, J. Said 3, E. Abela, S. Fenech Pace 1, O. Wikstrom 26, V. Baldacchino 6, S. Sciberras.

Hibs: M. Buhagiar 5, L. Micallef 7, I. Agius, S. Lecuyer, A. Saliba 5, M. Bonett 7, S. De Martino 20, M. Marmara, N. Farrugia, H. Macleod 16, J. Diaby 2, K. Sammut.

Referees: Nestor Rincon, Fiorentina Ciurariu, Wendell Lim