Il-karnival għandu rabta qawwija mal-ibliet Taljani. Iżda anke f’Malta, din it-tradizzjoni għandha għeruq fondi fil-kultura tagħna.
Tant illi dokumenti tas-seklu 15 juru li fl-isptar ta’ Santu Spirtu, fir-Rabat, fil-jiem tal-Karnival, il-morda kienu jingħataw ikel aktar rikk mis-soltu – bħal laħam, ġobon u ħalib. Dan biex ipatti għal jiem ta’ astinenza li wieħed kellu josserva wara l-karnival, fl-erbgħin jum tar-Randan.
Tul is-snin dejjem kien hemm żewġ tifsiriet tal-kelma ‘karnival’.
L-ewwel verżjoni hi carne vale – jiġifieri ‘jiswa l-laħam’. U l-oħra hi carne lievare, jiġifieri ‘jitwarrab il-laħam’. Biex b’hekk, iż-żewġ verżjonijiet kważi opposti, it-tnejn jagħmlu referenza għall-perijodu ta’ wara l-Karnival – il-perijodu tar-randan.
Meta wasal l-Ordni ta’ San Ġwann f’Malta, il-karnival ħa xejra aktar ta’ tbaħrit.
Hu magħruf li fl-1535, il-Kavallieri kienu organizzaw u ħadu sehem f’tip ta’ lotta bix-xwabel fil-pjazza tal-Birgu.
U fl-istess perijodu, anke il-Maltin bdew jipparteċipaw b’mod spontanju u brijuż – kif ukoll b’mod aktar organizzat.
Possibbilment, anke l-kelma ‘parata’ ġejja minn dan il-perijodu.
Eventwalment, il-Granmastru La Valette kien ta spinta lill-festeġġjamenti tal-karnival, meta ta l-permess li jintlibsu l-maskri fil-pubbliku.
B’hekk, kemm il-kavallieri żgħażagħ kif ukoll ħafna Maltin sabuhom inqas skomdi biex jipparteċipaw, mingħajr mistħija ta’ xejn.
Tradizzjoni antikissima, li baqgħet tissaħħaħ anke sa żminijietna – b’karrijiet mekkanizzati, movimenti mill-isbaħ, kuluri, maskaruni, u anke żfin li fih jipprteċipaw persuni ta’ kull età.
//= $special ?>

