Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister
għar-Riforma Kostituzzjonali, l-Identità Nazzjonali
u d-Djalogu Interkulturali
F’dan il-proċess twil li ninsab fih magħkom, ta’ ideat u kitbiet dwar bnedmin, kotba u kultura politika varja u li tmiss ma’ ħafna iktar milli wieħed jaħseb. F’dan insib x’jispirani u anki jiggwidani. Forza ta’ riflessjoni u awtokritika ta’ dak li hemm bżonn fis-soċjetà attwali tagħna u f’dak li fil-fatt huwa rilevanti għal kull waħda passata u futura. Gwida għal min irid iservi fil-kamp politiku.
Anki dawk li jidħlu maqsuma bejn dak li jaqbel lilhom u dak li huwa fl-interess tal-oħrajn. Il-politika fiha l-ikbar valur meta ssir għall-ġid komuni. Kif dik il-linja tintilef wieħed jara tnaqqir u tnaqqis f’dak li nsejħu t-tessut demokratiku. Xi drabi l-analoġija ma’ siġra hi forsi aħjar. Fis-sens li meta tieqaf issaqqiha jew tittraskuraha, inevitabbilment tmur lura. Trid attenzjoni kostanti u għalhekk tirnexxi bħala dik li għandu jkun il-poter f’idejn il-poplu.
F’dawn iż-żminijiet
F’dinja li fiha qed naraw kif bnedmin varji ġew ittantati f’toroq li ma kellhomx. Dawk li fil-poter ekonomiku jew politiku ġibdu lilhom infushom f’aġir abbużiv u illegali qam ukoll punt interessanti. Dak li jistaqsi mill-ġdid għal min isiru l-liġijiet. X’wassal bnedmin qabilna, qabel is-sistema demokratika tagħna. Anzi, iktar aħjar, għal-liema skop ilkoll fil-fatt naħdmu.
Jude Wanga, dan ix-xahar tikteb f’The London Review of Books artiklu bit-titlu The Centre Shrinks. Fejn tgħidilna: “Most MPs have never had to live like the people they legislate for.” (Ħafna deputati qatt ma għexu bħall-bnedmin li jilleġislaw għalihom). U tispjega hekk: “Politics isn’t something they came to after seeing how the country works. Politics is what they did instead of learning how the country works. When they talk about ‘ordinary people’ they invariably mean people they don’t know.” (Il-politika mhijiex xi ħaġa li waslu għaliha wara li raw kif jaħdem il-pajjiż. Il-politika hija dik li wettqu minflok tgħallmu kif jaħdem il-pajjiż. Meta jitkellmu dwar il-bniedem ‘ordinarju’, mingħajr dubju jitkellmu dwar dak li ma jafux.) Punt ta’ ħsieb u fl-istess ħin tluq lejn dak li għandna fil-fatt nużaw bħala regola u kejl lejn liġijiet tajba. Tajba fis-sens li huma dawk li jixirqu lill-persuni li nirrappreżentaw.
Federiku II
F’dan qiegħed naqra dak li kiteb l-istoriku differenti Gabriele Pepe (1899-1971) fit-trattat Lo stato ghibellino di Federico II (1951).
Wara li taqra dwar Karlumanju, interessanti taqra dak li l-Imperatur tar-Rumani, dak magħruf jew deskritt bħala ‘Stupor Mundi’ wettaq. Dak l-iben li twieled minn omm li kienet fl-erbgħin sena tagħha, li wellditu f’tinda fi pjazza sabiex ma jkunx hemm dubju dwaru. Dak li fl-aħjar tiegħu, fil-qawwa politika l-iktar soda fehem li l-liġi hija strument mhux biss għalih imma sabiex ikun hemm affermazzjoni tas-sewwa u l-ġustizzja.
Ħafna mexxejja huma fiż-żmien identifikati mar-regoli legali tagħhom. Mingħajr dubju, l-Imperatur Ġustinjanu (482-565 WK) b’dak li wara sar magħruf bħala l-Corpus Juris Civilis u Napuljun Bonaparte (1769-1821) bil-famuż Kodiċi Ċivili.
Liġi għall-poplu kollu
F’dan aktar, Pepe jfakkarna li diversi mexxejja fehmu li l-liġi hija wkoll missjoni ta’ unità. Dawk il-prinċipji morali u ta’ ordni pubbliku li jġibu f’daqqa pajjiż u renju. Federiku II dan fehmu huwa wkoll bħal dawk ta’ qablu u dawk li ġew warajh.
F’dak il-mument diffiċli u progressiv li kellu quddiemu dan il-ħakkiem jikteb hekk: “Le Costituzioni non furono rese obligatorie in tutto il Regno, per il fatto che Federico avesse già nel 1231 la coscienza di un’unità politica di attuarsi per mezzo dell’unità delle leggi, ma perché aveva l’esperienza dei pericoli che costituivano per la sovranità regia gli statuti muniċipali. Ma è verissimo invece che le Costituzioni contribuirono al rafforzamento dell’unità politica del Regno.” (Il-liġijiet ma kinux saru obbligatorji fuq ir-Renju kollu, minħabba l-fatt li Federiku kellu diġà, fl-1231, l-għarfien ta’ unità politika li trid titħaddem permezz ta’ liġijiet uniformi, imma għax kellu l-esperjenza tal-perikli li l-liġijiet muniċipali kellhom fuq is-sovranità tiegħu. Imma fuq l-oħra fil-fatt huwa mill-iktar veru li l-Liġijiet assiguraw it-tisħiħ tal-unità politika tar-Renju sħiħ li rnexxielu jiġbor u jżomm.)
Awtur
Pepe f’dan il-ktieb iressaq diversi osservazzjonijiet dwar Federiku II. Senjatament kif qed naraw fil-ħidma leġislattiva tiegħu u dan iktar fid-domanda li tlaqna biha qabel.
Huwa jikteb hekk: “Se è vero che le idee non cascono dal Cielo, tanto meno ne cascano, tranne il caso di Mosè le leggi: la loro origine è molto terrestri. La visione ancora poco Chiara dello Stato come pienezza di sovranità come razionale sorgente di pace e di giustizia, concezione che nasceva dalla tradizione romana imperialistica, attraverso la cultura romanistica dei consiglieri di Federico; il bisogno che le nuove classi borghesi sentivano di uno stato utilitario autonomo laico e non guerriero feudale. Un ordine pacifico e forte.” (Jekk huwa minnu li l-ideat ma jaqgħux mis-smewwiet, salv fil-każ tal-liġijiet ta’ Mosè, hekk ukoll dawk ta’ Federiku ma waqgħux mis-sema; l-oriġini tagħhom huma mid-dinja.
Il-viżjoni f’dak il-mument mhux daqshekk ċara tal-Istat bħala saħħa sħiħa sovrana, bħal fonti loġika ta’ paċi u ġustizzja, kunċett li jitwieled mis-saħħa Rumana imperjali permezz tal-kultura Rumana tal-kunsilliera ta’ Federiku; il-bżonn ta’ klassijiet tal-borgeżija li ħassew il-bżonn ta’ stat utilitarju awtonomu, lajk u mhux gwerrier.)
Sub quadam lege
Il-punt huwa dak li kull persuna huwa mill-bidu tal-umanità soġġett għal-liġijiet. F’dan Federiku jfakkarna li anki Adam u Eva hekk kienu. Dawk li kisru l-liġi li ġiet indikata għas-sewwa tagħhom. Aħseb u ara llum wara tant sekli.
Wieħed jibqa’ jirrifletti kif anki hawn, f’dawn il-gżejjer, nibqgħu naħsbu li hemm uħud li għax viċin, jew fil-poter, jistgħu ma jkunux marbuta mal-liġi. Jistgħu jkun ’l bogħod mis-sewwa u l-pariri li d-demokrazija kif għandha tkun, tagħti. Stat modern, attwali, veru u ġust irid jibda mill-ħsieb li l-liġijiet huma għall-bnedmin, mhux għall-oġġetti. Għal dawk kollha li twieldu bid-dinjità umana proprja tagħhom. F’dan nibqa’ iktar lura minn dawk li jridu jew jaħsbu li s-soluzzjoni għad-demokrazija tagħna hija dik li jkollna deputati ‘full-time’. Mhijiex proprju għax biex taħdem u tfassal liġijiet tajba trid tkun taf il-bnedmin li qed isiru għalihom. Dan Federiku II kien jafu u f’dan spjegat tajjeb Wanga meta ddikjaratilna l-periklu li rridu naħarbu, li: “Most MPs have never had to live like the people they legislate for.”
Nittama li dan nifhmuh għax huwa parti minn dak li aħna.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta 10 ta’ Frar, 2026.
//= $special ?>

