Lokali

Tħabbret il-mewt tal-awtriċi u l-kittieba Lina Brockdorff

Ritratt: L-Akkademja tal-Malti

Tħabbret il-mewt tax-xandara, l-kittieba u l-għalliema Lina Brockdorff fl-età ta’ 95 sena.

Hi twieldet fl-Isla fil-21 ta’ Mejju tal-1930.

Lina Brockdorff kienet waħda mill-aktar figuri ewlenin fil-letteratura Maltija, b’karriera twila fil-qasam tal-proża, poeżija u x-xandir.

Hi bdiet tikteb ta’ 17-il sena u tul ħajjitha kitbet aktar minn 340 novella u stejjer qosra, li ħafna minnhom inxandru fuq ir-radju f’Malta u fl-Awstrajla.

Bejn is-snin Ħamsin u snin Sebgħin, hi tat kontribut importanti lir-Rediffusion, fejn kitbet u pproduċiet diversi programmi kulturali u ta’ divertiment, fosthom ‘Ħlieqa Bejnietna’ u ‘Nofs Siegħa Flimkien.’

Lina Brockdorff kienet rebħet il-Midalja tad-Deheb mogħtija mill-Akkademja tal-Malti fl-2020.

Kitbet ukoll radjudrammi, fosthom Il-Fqajjar t’Assisi, u għal snin twal mexxiet il-programm Mill-Ġnejna Maltija. Hi serviet ukoll bħala President tal-Għaqda Letterarja Maltija u kienet membru ta’ diversi għaqdiet letterarji.

Lina Brockdorff bdiet il-karriera tagħha bħala għalliema tal-primarja imma għamlet snin tgħallem il-midja u l-Ingliż fil-Kulleġġ San Alwiġi. Hi kellha erbat itfal.