F’għeluq it-800 sena mill-mewt ta’ San Franġisk t’Assisi, ir-reliġjużi Franġiskani f’Malta qed jorganizzaw għadd ta’ ċelebrazzjonijiet biex jitfakkar dan l-anniversarju importanti. Relikwa ta’ dan il-qaddis mill-Bażilika ta’ San Franġisk t’Assisi nġabet hawn Malta mill-Franġiskani Konventwali għal din l-okkażjoni u se tinżamm f’pajjiżna sat-18 ta’ Frar 2026.
Ir-relikwa se tkun f’bosta parroċċi għall-qima u għat-talb tan-nies f’dawn il-parroċċi: f’Burmarrad, Birkirkara, San Pawl il-Baħar, Raħal Ġdid, Santa Venera, il-Mosta, ir-Rabat, l-Isla, il-Qawra, ir-Rabat Għawdex, San Ġiljan u l-Belt Valletta.
Iċ-ċelebrazzjonijiet jilħqu l-qofol tagħhom fit-18 ta’ Frar permezz ta’ quddiesa bit-tberik u t-tqegħid tal-irmied, ċelebrata mill-Arċisqof Charles Scicluna bis-sehem tar-reliġjużi Franġiskani fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta fis-6pm.
Attivitajiet oħra marbuta maċ-ċentinarju, minbarra quddies u talb fil-knejjes u l-kappelli, huma s-summit għall-istudenti tal-iskejjel tal-Knisja ispirat mill-Enċiklika tal-Papa Franġisku Laudato Si’ u l-ħajja sempliċi ta’ San Franġisk; u l-Meditazzjoni Mużikali, Franġiskana li se ssir nhar is-Sibt 14 ta’ Frar fil-Knisja ta’ San Franġisk f’Birkirkara.
F’din is-sena ċentenarja tista’ tinkiseb l-indulġenza plenarja mill-knejjes Franġiskani kollha billi l-Insara jersqu għall-qrar u t-tqarbin u jitolbu skont l-intenzjoni tal-Papa.
Għal iktar tagħrif dwar iċ-ċelebrazzjonijiet marbuta ma’ dan l-anniversarju żur:
https://ofmconvmalta.org/francis2026/programm.html.


