Lokali

Gvern ġdid Nazzjonalista se jkun forċina għal min irid jibda jew isaħħaħ in-negozju tiegħu – PN

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg iżur il-kumpanija VJ Salomone

Dak li beda kważi 100 sena ilu Victor J Salomone qed jissarraf f’intrapiża li daħlet fir-raba’ ġenerazzjoni tagħha. Illum VJ Salomone hija kumpanija b’saħħitha li firxet l-operat tagħha f’oqsma differenti u timpjega mat-370 persuna.

Waqt żjara li għamel f’wieħed mill-imħażen tal-kumpanija VJ Salomone, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg kellu l-opportunità mhux biss jiltaqa’ mal-impjegati li jaħdmu f’din l-azjenda, imma wkoll jifhem aktar l-istorja ta’ din il-kumpanija stabbilita.

F’kummenti li ta, Alex Borg qal li l-Partit Nazzjonalista fil-gvern se jkompli jkun forċina għal negozji bħal VJ Salomone u għal min għandu x-xewqa li jibda n-negozju tiegħu. Huwa sostna li żjarat bħal dawn ikomplu jsaħħu l-għarfien dwar ir-realtajiet li qed jiffaċċjaw bħalissa dawk bin-negozju f’pajjiżna biex il-Partit Nazzjonalista jkun jista’ jkompli jfassal il-politika tiegħu – politika magħmula min-nies għan-nies.

Huwa qal li politika li tifhem il-bżonnijiet ta’ kumpaniji bħal dawn tkun tista’ tkompli ssaħħaħhom biex ikomplu jikbru ħalli mhux biss joffru impjiegi ta’ kwalità imma anke jkomplu jikkontribwixxu biex l-ekonomija ta’ pajjiżna tissaħħaħ.

VJ Salomone hija fost il-kumpaniji ewlenin f’Malta li jimpurtaw u jiddistribwixxu prodotti varji. Il-prodotti impurtati li jiffurmaw il-portafoll ta’ VJ Salomone jintużaw minn eluf ta’ familji Maltin u jinkludi medicini, prodotti tad-dar, prodotti tas-sbuħija, pet food u prodotti tal-kura tal-annimali domestiċi kif ukoll prodotti teknoloġiċi tal-iprem marki.

Il-kumpanija evolviet tul is-snin u firxet l-operat tagħha fl-ispiżeriji u ħwienet tat-teknoloġija kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta.

L-aħwa Salomone, li jmexxu din il-kumpanija, tkellmu dwar dawk li huma l-isfidi u anke l-ambizzjonijiet tagħhom biex il-kumpanija tibqa’ tespandi u ssaħħaħ l-operat tagħha u waqt il-preżentazzjoni li għamlu lid-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista mmexxija mill-Kap tal-PN Alex Borg, urewh ukoll filmati li juri kif kibret il-kumpanija tul is-snin u f’liema direzzjoni jixtiequ li tkompli tikber.

Għal din iż-żjara, flimkien mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, kienu preżenti wkoll il-Viċi Kap tal-PN Alex Perici Calascione, ix-Shadow Minister għad-Djalogu Soċjali u l-Promozzjoni tal-Kummerċ Ryan Callus, ix-Shadow Minister għall-Ekonomija u l-Intrapriża Jerome Caruana Cilia, ix-Shadow Minister għall-Affarijiet Barranin Beppe Fenech Adami u l-kandidat tal-PN għall-elezzjoni ġenerali Joseph Grech.

Din iż-żjara tkompli mas-sensiela ta’ żjarat li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista qed jagħmel biex jifhem aħjar dawk li huma l-isfidi, il-ħtiġijiet u l-ambizzjonijiet li għandhom il-faxex kollha tas-soċjetà Maltija ħalli l-Partit Nazzjonalista jkollu dejjem il-polz fuq id il-poplu Malti u Għawdxi u biex ikun jista’ jfassal il-politika tiegħu għan-nies.