Lokali

Il-Ministru Owen Bonnici ma jikkundannax lill-Viċi Sindku tal-Imqabba Jonathan Dingli

Il-Ministru għall-Arti u l-Wirt Kulturali Owen Bonnici, ma kkundannax il-kliem tal-Viċi Sindku tal-Imqabba, Jonathan Dingli meta, f’kummenti fuq il-midja soċjali, bagħat lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg, f’ward 10 ta’ Monte Carmeli.

F’kummenti lil NET News, il-Ministru nnifsu ikkonferma li Jonathan Dingli se jkun qed iressaq ismu għall-elezzjonijiet lokali. U fl-ebda ħin ma kkundanna dan id-diskors tal-Viċi Sindku Laburista – li spiċċa jiddieħak bil-mard mentali, sempliċiment biex jipprova jagħmel attakk politiku.

Mistoqsi jekk il-kliem fil-konfront ta’ Alex Borg hux aċċettabbli, il-Ministru Bonnici ħarab milli jwieġeb ċar u tond. Filwaqt illi iddikjara li huwa ovvju li jintużaw ċertu aġġettivi fil-konfront tal-politiċi.

Din mhijiex l-ewwel darba li l-Viċi Sindku Laburista infexx jattakk membri tal-Partit Nazzjonalista … tant li ftit tax-xhur ilu fuq il-midja soċjali, indirizza lil Adrian Delia bħala mara li “tħobb tissawwat.”