F’vot fi Strasburgu, l-Parlament Ewropew ivvota b’maġġoranza ta’ 408 kontra 184 biex jaddotta l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea biex tiġi msaħħa l-Asylum Procedure Regulation.
Wara proċess hekk imsejjaħ ta’ trialogue – fejn rappreżentanti mill-Parlament, mill-Kummissjoni, u mill-Kunsill tal-Ministri jiltaqgħu biex jilħqu qbil proviżorju meta ma jkunx hemm qbil fuq il-proposta oriġinali – l-Parlament ivvota biex jaddotta lista ta’ pajjiżi terzi li huma ‘siguri’ fejn jistgħu jintbagħtu applikanti għall-asil minflok tiġi aċċettata l-applikazzjoni tagħhom f’pajjiż fl-UE.
Jekk il-Kunsill tal-Ministri – li hu kompost mill-Ministri għall-Intern ta’ kull stat membru tal-UE – japprova din il-proposta, l-istati membri se jkunu permessi li jirrifjutaw applikazzjonijiet għall-asil b’mod rapidu jekk l-applikant seta’ jirċievi protezzjoni f’wieħed mill-pajjiżi ‘siguri’ mill-lista addottata.
Il-Membri Parlamentari Nazzjonalista David Casa u Peter Agius kienu fost l-408 membru li appoġjaw din il-proposta.
Filwaqt li kważi kull membru mill-Partit Popolari Ewropew ivvota favur l-proposta, l-maġġoranza assoluta tal-membri tal-Partit tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi vvotaw kontra.
Intant, il-Membri Laburista Alex Agius Saliba, Thomas Bajada u Daniel Attard ivvutaw mal-Partit Popolari Ewropew favur il-proposta.
Huwa mistenni li l-Kunsill tal-Ministri se jivvota fuq din il-proposta bejn il-5 u s-6 ta’ Marzu.
Il-Parlament Ewropew jivvota biex jiġu permessi proċessi aktar rapidi dwar l-immigrazzjoni


