Il-Qorti Ċivili, Sezzjoni tal-Kummerċ, ippreseduta mill-Imħallef Ian Spiteri Bailey, ordnat li l-kumpanija Admiral Company Limited terġa’ tiddaħħal fir-Reġistru tal-Kumpaniji wara rikors ippreżentat mill-Perit Dottor Edwin Mintoff, li huwa s-sid benefiċjarju aħħari tagħha.
Il-kumpanija kienet tħassret mir-Reġistru fit-8 ta’ Settembru 2022 wara li naqset milli tissottometti kontijiet u prospetti annwali għal diversi snin. Skont ir-Reġistratur tal-Kumpaniji, l-aħħar kontijiet annwali sottomessi kienu dawk tas-sena 2016, filwaqt li l-aħħar prospetti annwali kienu relatati mas-sena 2018.
Minkejja diversi notifiki u pubblikazzjonijiet skont il-liġi, il-kumpanija ma rregolarizzatx il-pożizzjoni tagħha, u għalhekk tneħħiet mir-Reġistru ai termini tal-Artikolu 325 tal-Att dwar il-Kumpaniji. Fir-rikors tiegħu, il-Perit Mintoff sostna li qatt ma kien infurmat bit-tħassir tal-kumpanija u li seta’ jsofri danni irreparabbli peress li l-kumpanija għandha diversi assi, fosthom proprjetà immobbli fil-Birgu u f’Ta’ Xbiex.
Huwa spjega li kien fetaħ il-kumpanija fl-2004 permezz ta’ servizzi ta’ nominee director u shareholder, u li wara l-mewt tal-persuna li kienet tieħu ħsieb l-amministrazzjoni, il-kumpanija spiċċat ma ġietx amministrata kif suppost.
Ir-Reġistratur wieġeb li t-tħassir ma kienx deċiżjoni arbitrarja iżda konsegwenza diretta tan-nuqqas ta’ konformità mal-obbligi legali. Ġie indikat ukoll li kienu dovuti €700 fi ħlasijiet ta’ reġistrazzjoni u €13,966.50 f’penali relatati ma’ dokumenti li ma ġewx sottomessi, ammont li seta’ jiżdied sakemm tiġi rregolarizzata l-pożizzjoni.
Matul il-proċeduri, il-partijiet iddikjaraw li l-pendenzi kollha tal-kumpanija kienu ġew regolarizzati. Il-Qorti nnutat li r-rikors kien tressaq fiż-żmien stipulat ta’ ħames snin mill-pubblikazzjoni tal-avviż tat-tħassir u li r-rikorrent kellu interess leġittimu bħala sid benefiċjarju aħħari.
Fid-deċiżjoni tagħha tal-11 ta’ Frar 2026, il-Qorti ordnat lir-Reġistratur sabiex fi żmien 15-il jum jerġa’ jdaħħal l-isem ta’ Admiral Company Limited fir-Reġistru tal-Kumpaniji, sabiex titqies li kompliet bl-eżistenza tagħha daqslikieku qatt ma tħassret. Ġie ordnat ukoll li jsiru l-pubblikazzjonijiet meħtieġa skont il-liġi.
//= $special ?>

