Lokali

Inawgurat il-bust ta’ Pawlu il-Pampalun

Ftit jiem biss ‘il bogħod mill-Karnival, fil-Belt Valletta ġie inawgurat bust ta’ Pawlu Curmi magħruf aħjar bħala l-Pampalun.

Il-Pampalun li miet fl-eta ta’ 92 sena fit-8 ta’ Novembru tal-2023, għadu meqjus sallum il-ġurnata bħala ikona taċ-ċelebrazzjonijiet kollha marbuta mal-Karnival Malti; dejjem bi tbissima fuq wiċċu u dejjem iferraħ lil dawk ta’ madwaru.

Pawlu Curmi kien magħruf l-aktar għall-kontibut tiegħu permezz tal-kompetizzjonijiet taż-żfin u anke l-kompetizzjonijiet tal-karrijiet. Apparti l-Karnival, il-Pampalun kien magħruf sew anke bħala plejer tal-futbol.

NET News tkellem ma’ Christopher Caruana, ir-raġel ta’ Carmen li tiġi bint Pawlu.

Hu irringrazzja lil kull minn kien involut f’dan il-proġett. U tenna kif permezz ta’ dan il-bust, il-Pampalun se jibqa’ imfakkar għal dejjem bħala l-artist, li ta l-Karnival lill-Maltin u l-Għawdxin kollha.

Intant tkellimna wkoll ma’ Indri Attard, l-iskultur li ħadem fuq dan il-bust proprju fil-lejl ta’ meta miet, f’temp ta’ ftit sigħat biss.

Preżenti għal din l-inawgurazzjoni kien hemm ħafna mill-qraba ta’ Curmi, l-iskultur Indri Attard u l-kunsillieri lokali. Fil-fatt, din kienet idea tal-eks Kunsillier Mark Spiteri Lucas u tal-kunsill preċedenti.