Lokali

Jammetti li baqa’ dieħel fl-uffiċjali ta’ Transport Malta: Hu l-istess wieħed li kien involut fil-każ traġiku tal-Kolombjana

Żagħżugħ ta’ 21 sena ammetta fil-Qorti li saq vettura b’mod traskurat, negliġenti u perikoluż, meta ħabat f’karozza ta’ uffiċjali ta’ Transport Malta li kienu qed jissorveljaw it-traffiku fil-mina ta’ Santa Luċija għall-ħabta ta’ nofsillejl. L-inċident seħħ filwaqt li l-imputat, Stoyan Gafà, diġà jinsab mixli f’kawża separata dwar il-mewt ta’ muturist lejlet il-Milied.

Iż-Żagħżugħ li jinsab barra bil-libertà kondizjonata tressaq il-Qorti akkużat bl-inċident ikrah li seħħ f’Santa Luċija matul il-lejl li għadda. Iż-żagħżugħ huwa minn Wied il-Għajn. Fil-każ tat-Tlieta, żewġ uffiċjali ta’ Transport Malta spiċċaw feruti – wieħed minn gravi.

Dan iż-żagħżugħ hu l-istess wieħed implikat fil-mewt ta’ sewwieq ta’ mara Kolombjana, ta’ 31 sena, li mietet lejlet il-Milied waqt ħabta. Hi kienet qed issuq mutur. L-inċident kien seħħ għall-ħabta tat-3am fi Triq Mikiel Anton Vassalli – fid-direzzjoni lejn Paceville. U ż-żagħżugħ kien qiegħed isuq karozza Kia Picanto.

Fil-proċeduri tal-Erbgħa, Gafà wieġeb ħati ta’ diversi akkużi fosthom li saq Mercedes b’mod perikoluż, li saq mingħajr polza ta’ assigurazzjoni valida, li saq taħt l-influwenza tad-droga, li kkawża ġrieħi lil żewġ uffiċjali ta’ Transport Malta, li għamel ħsara lil tliet vetturi oħra u li kiser żewġ settijiet ta’ kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.

Il-Qorti semgħet kif wieħed mill-uffiċjali sofra ġrieħi gravi filwaqt li l-ieħor ġarrab ġrieħi ħfief. Il-Ministru għat-Trasport Chris Bonett qal li l-inċident qanqlu rabja kbira. Ġie spjegat ukoll li l-vettura li kien qed isuq Gafà kienet għadha rreġistrata fuq terza persuna u ma kinitx għadha ġiet trasferita f’ismu.

Meta l-pulizija waslu fuq il-post, huma rrikonoxxew immedjatament lill-imputat, li x-xahar li għadda kien tressaq il-Qorti b’rabta ma’ ħabta fatali li seħħet lejlet il-Milied u li fiha tilfet ħajjitha Angie Marlene Mesa Gonzalez. Huwa qed jiffaċċja wkoll akkużi oħra marbuta ma’ inċident separat ta’ sewqan perikoluż li allegatament ħalla persuna oħra bi ġrieħi gravi f’Diċembru li għadda.

Gafà rriżulta negattiv għal test tal-alkoħol, iżda ttieħed kampjun tal-awrina għal aktar testijiet. Huwa ammetta mal-pulizija li kien ikkonsma l-kannabis qabel saq il-karozza. Fil-każ relatat mal-mewt ta’ Gonzalez, huwa qed jiġi akkużat ukoll li saq mingħajr assigurazzjoni u taħt l-influwenza tal-kannabis. Prosekutur f’dik il-kawża qal li kumpaniji tal-assigurazzjoni rrifjutaw li jassigurawh.

Fis-sottomissjonijiet dwar il-piena, il-prosekuzzjoni enfasizzat li l-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti, inklużi depożiti u garanziji personali ta’ ammonti differenti, ma kinux deterrent biżżejjed biex iwaqqfuh milli jsuq mingħajr assigurazzjoni u milli jpoġġi lil ħaddieħor f’riskju. Min-naħa tagħha, l-avukat tal-għajnuna legali Nadya Fiott irrimarkat li l-imputat ikkoopera bis-sħiħ mal-pulizija u ammetta l-ħtija minn kmieni.

Il-każ ġie aġġornat għad-19 ta’ Frar għall-għoti tas-sentenza. Il-proċeduri kienu preseduti mill-Maġistrat Monica Vella, bil-prosekuzzjoni mmexxija mill-ispetturi Clive Abela u Nathan Bugeja, filwaqt li l-imputat kien assistit mill-avukat Nadya Fiott.