Erba’ sewwieqa jistgħu jgħodduha b’waħda wara ħabta kerha li seħħet matul il-lejl li għadda fit-triq Tal-Barrani, in-naħa ta’ bejn Ħal Tarxien u Santa Luċija.
Kelliem għall-Pulizija kkonfermalna li l-każ seħħ għall-ħabta ta’ 12:30am.
Fl-inċident kienu involuti karozza BMW misjuqa minn żagħżugħ min-Nadur, Ford Transit misjuqa minn raġel ta’ 39 sena minn Ħaż-Żabbar, karozza ta’ Transport Malta Peugeot 208 misjuqa minn raġel ta’ 38 sena minn Ħal Għaxaq u karozza Marcedes li kienet misjuqa minn żagħżugħ ta’ 21 sena minn Wied il-Għajn. Fil-karozza ta’ Transport Malta kien hemm ukoll uffiċjal ta’ 28 sena minn Raħal Ġdid.
Jirriżulta li l-inċident seħħ waqt li kienu qed isiru xi xogħlijiet fil-mina ta’ Santa Luċija, li twassal lejn Tal-Barrani. U l-uffiċjali ta’ Transport Malta kienu hemm propju biex jigwidaw it-traffiku.
Fil-post, wara dan l-inċident ikrah, issejħu mhux biss uffiċjali tal-Pulizija iżda anke numru ta’ ambulanzi u tobba li intervjenew.
Net News jista’ jikkonferma li ż-żewġ uffiċjali ta’ Trasport Malta kellhom jingħataw il-kura.
Il-kundizzjoni tar-raġel ta’ 38 sena għadha mhix magħrufa waqt li ż-żagħżugħ ta’ 28 sena li kien fil-karozza miegħu weġġa’ ħafif.
//= $special ?>

