Brian Woollard u martu Mary Anne Woollard rebħu kawża in parte kontra Vella Falzon Building Supplies Limited f’tilwima marbuta ma’ provvista ta’ materjal tal-bini u obbligi kuntrattwali li, skont huma, ma ġewx osservati kif miftiehem. Il-Qorti qalet li l-kumpanija trid tagħti lura s-s-somma ta’ €8,780 lill-koppja.
Il-każ imur lura għal Frar 2022, meta Woollard u r-raġel tagħha, ordnaw kċina tal-marka li kienet tiswa €16,860 mingħand il-kumpanija, għad-dar tagħhom f’Marsaskala. Huma kien ħallsu l-ammont ta’ €6,000 bħala depożitu. Skont Woollard, il-ftehim kien li l-kċina tkun għandhom fil-bidu ta’ Mejju 2022.
Xi żmien wara li saret l-ordni kienet marret għandhom impjegata tal-kumpanija sabiex tieħu l-kejl tal-kċina. Spjegat li diġà kellha kċina oħra fid-dar u peress li l-ftehim kien li f’Mejju tasal il-kċina l-ġdida, fl-aħħar ta’ April 2022 kienet neħħiet il-kċina li kellha.
Fl-aħħar ta’ Mejju jew il-bidu ta’ Ġunju 2022 l-kumpanija bagħtet lin-nies jinstallaw il-kċina, u l-koppja ħallew it-tieni depożitu – din id-darba għall-ammont ta’ €2,000. Ħallset ukoll lill-kumpanija l-ammont ta’ €780 għall-appliances tal-kċina.
Qalet li meta l-ħaddiema tal-kumpanija kienu qed jinstallaw il-kċina ndunaw li l-qisien ma kienux tajbin għax il-kċina kienet akbar milli suppost u ma kienitx toqgħod, tant illi l-kċina baqgħet ħierġa għal fuq il-bibien tal-kamra tal-banju.
Il-ħaddiema ħadu l-cupboards tal-kċina fil-worskshop tal-kumpanija sabiex ippruvaw jaqtawhom kemm minn fuq u kemm minn isfel inkluż mill-panel tal-cupboard tal-kantuniera. Sabiex saru l-modifiki Woollard għamlet sa Ottubru 2022 tistenna għalxejn stante li meta reġgħu ġabu l-cupboards li kienu qatgħu, għalkemm il-kċina setgħet toqgħod, madanakollu l-bibien tal-kantuniera t’isfel bdew jaħbtu ġo
xulxin u l-bibien ta’ fuq ma setgħetx tiftaħhom.
Il-panel tal-ġenb tal-kċina li tmiss mal-fridge ġiet żgħira u kellha titwaħħal mgħawwġa minħabba li ma kienx hemm biżżejjed spazju. Inoltre kien hemm panel tat-tv bench li ġie żgħir u d-dawl li kellu jiġi taħt il-wiċċ tal kċina ġie kbir, liema dawl ma setgħax jiġi modifikat u kellu jiġi ordnat mill-ġdid.
Woollard qalet lill-ħaddiema li l-kċina ġiet tal-lapazz u l-ħaddiema kienu qablu magħha fuq hekk. Iċ-ċekk ta’ € 8,000 ma wasalx avolja l-kċina kienet inġabret u minflok ġiet informata li kellha tiġbor iċ-ċekk mingħand Alexis Vella Falzon. Madanakollu meta marret għaċ-ċekk dan ma riedx jirrilaxxah u minflok beda jinsisti li l-kċina titranġa.
Vella Falzon qalilha li kien ser jagħtiha biss €500 bħala kumpens għad-dewmien imma Woollard baqgħet tinsisti li trid id-depożitu lura stante li ppretendiet li jagħtuha servizz u prodott tajjeb. Meta Woollard rat li anke bil-modifiki li saru l-kċina ma ġietx tajba hija nfurmat b’dan lill-manager tas-showroom li l-kċina ma riditiex u talbithom jieħduha lura u jagħtuha lura d-depożitu ta’ €8,000 kif ukoll il-prezz tal-appliances li kienet ħallset fl-ammont ta’ €780.
Madanakollu il-kumpanija bdiet taqla kwistjonijiet bħal eżempju li t-tort kien ta’ kumpanija oħra li kellu jipprovdi l-wiċċ tal-kċina. Skont Woollard dawn kienu skużi peress li r-raġuni ‘l għala l-wiċċ tal-kċina ma setax jeħel kien biss minħabba li l-kejl tal-kċina ma ttiħiedx tajjeb.
Dakinhar li Woollard marret tkellem lill-manager tas-showroom din qaltilha li -lkumpanija kienet se taċċetta li jagħtuha d-depożitu lura u f’dan ir-rigward kellhom jiffissaw appuntament biex jieħdu lura l-kċina. Il-kċina ttieħdet lura f’Ottubru 2022 imma Woollard baqgħet mingħajr id-depożitu minkejja li l-impjegata fil-21 ta’ Ottubru 2022, kienet qaltilha permezz ta’ messaġġ li x-xufier kien ser jagħtiha
ċekk ta’ €8,000 dakinhar li tittieħed il-kċina.
Hija kompliet tgħid li sal-ġurnata tal-affidavit tagħha baqgħet mingħajr id-depożitu ta’ €8,780, apparti li kellha skariġġ kbir minħabba li kellha tordna kċina mingħand ħaddieħor li waslet f’Ġunju 2023. Għalhekk għamlet 14-il xahar mingħajr kċina u kienu diversi drabi li Woollard u l-familja tagħha kellhom jordnaw takeaways, li Woollard qalet li kienu spejjeż żejda.
Din is-sitwazzjoni kienet stressanti għal Woollard bir-raġel jispiċċa taħt stress, u għalhekk Woollard talbet id-depożitu lura flimkien mad-danni. Brian Woolard qal li fis-26 ta’ Frar 2024 irċevew email mingħand il-kumpanija intimata fejn ippretendew il-ħlas ta’ €13,402.99.
Mill-prospett deher li l-kumpanija intimata qed tippretendi l-ħlas ukoll ta’ €4,543 li Woollard lanqas kien jaf ta’ xiex inhuma. Inoltre qal li l-ammont mitlub ma jaqbilx mal-kontrotalba mressqa mill-kumpanija għall-ammont ta’ €8,859.99.
Spjega li s-sitwazzjoni mal-kumpanija kkawżatlu stress, ansjetá u frustrazzjoni tant li kellu jirrikorri għall-għajnuna stante li ma kienx faċli jagħmlu 14-il xahar mingħajr oġġett bażiku bħall-kċina. Qal li jinsab ferm
iddiżappuntat bis-servizz mogħti mill-kumpanija intimata u bil-mod kif imxiet magħhom.
Il-verżjoni tal-kumpanija
Xehed Alexis Vella Falzon, direttur tal-kumpanija li qal li huwa jokkupa ukoll ir-rwol ta’ CEO u huwa proprjetarju tal-kumpanija. Ix-xhud ippreżenta kopja tas-sales order datata 8 ta’ Frar 2022 flimkien ma’ dokumenti relatati (inkluż pjanti, visuals, disinni 3D u pjanta ta’ kull faċċata li hemm fil-kċina) bħala Dok AVF119 kif ukoll kopja ta’ jobsheet u żewġ ritratti kollettivament
Qal li dawn jinkludi pjanti dettaljati bil-qisien ta’ kull biċċa għamara, liema pjanti ġew iffirmati mill-koppja. Qal li kull biċċa għamara għandha l-qisien fuqha biex il-klijent ikollu ċans jiċċertifika u jiċċekkja l-affarijiet tiegħu li kollox ikun eżatt kif xtaq u kif ordnah.
Mistoqsi mill-Qorti jekk ikunx hemm kundizzjonijiet oħra mas-sales order irrisponda fl-affermattiv iżda qal li ma kellux kopja tagħhom. Spjega li tali kondizzjonijiet ikunu rigward pagamenti. biex turi li hu sodisfatt bix-xogħol salv dawk it-tibdiliet li jistgħu jkunu meħtieġa u li jkunu indikati.
Dwar il-wiċċ tat-TV Unit qal li kien hemm żball min-naħa tas-supplier li dan kien ċentimetru iqsar. Lir-rikorrenti kienu tawha l-għażla li jieħdu l-wiċċ magħhom jew iwaħħlulha wieħed temporanju sakemm jasal it-tajjeb u hija kienet għażlet li jitwaħħal wieħed temporanju.
Għalhekk f’dak il-każ il-kumpanija intimata kienet taf li kien hemm żball imma kien sar mill-aħjar sabiex
iħallu kċina fi stat li setgħet tintuża u kienu ħadu ħsieb illi jordnaw wiċċ ġdid sabiex jwaħħluh flok dak temporanju malli jasal għandhom. Ritratt ta’ dan it-TV Unit, fejn jidher li hemm karta fuq l-istess għamara.
Huwa tenna illi kif jirriżulta mill-pjanta l-kċina kienet lesta imma kien jonqosha l-wiċċ tagħha. Il-kumpanija assistiet lill-koppja sabiex tordnah minn kumpanija oħra mingħajr qliegħ għaliha. Rigward l-affarijiet li kienu ndikati fuq il-jobsheet bħala li għad jridu isiru huwa qal li kien hemm il-wiċċ tat-TV Unit, is-side panel tal-friġġ u d-dwal.
Fir-rigward tal-jobsheet qal li din il-jobsheet kienet ġiet iffirmata mill-klijent meta ġiet installata l-kċina. Din tintuża mill-ħaddiema li jkunu qed jqiegħdu l-kċina sabiex fuqha jittieħdu notamenti ta’ xi xogħol nieqes jew tibdiliet li jkun hemm il-bżonn li jsiru kif ukoll ikun hemm il-firma tal-klijent.
Dwar is-side panel tal-friġġ qal illi l-kumpanija intimata ma kienetx ipprovdiet l-appliances li filfatt ġew mixtrija mill-koppja. Għalhekk din kellha l-qisien fuqiex timxi meta tixtrihom iżda minflok built-in fridge xtrat waħda stand alone.
Għalhekk din ma daħlitx fil-post stabbilit għalih u l-panel ma setax jitwaħħal. Fir-rigward tal-ilment tal-koppja li kellhom jagħmlu xi modifiki fil-kċina qal li kulħadd jaf li meta tordna kċina lesta, minflok tordnaha mingħand mastrudaxxa, tiġi b’qisien pre-determinati u ma tistax tgħid lis-supplier li unit se jkollu jiġi ta’ ċertu qies. Għalhekk qal li jeżistu dak li jseħulu filler, li tkun biċċa injama li tintuża għall-korrezzjonijiet minuri.
Fil-każ tal-koppja dan il-filler intuża fir-rokna tal-kċina fejn l-armarji jiltaqgħu ma xulxin. Qal li l-adattament li semmiet il-koppja fix-xhieda tagħha kien wieħed previst u dan jsir bl-użu tal-filler li jinqata’ skont il-qies dakinhar tal-installazzjoni.
Skont Vella Falzon kien hemm bżonn filler kemm għall-armarju ta’ fuq u anke ta’ isfel u li meta telqu l-installaturi il-kċina kienet armata, bl-eċċezzjoni tal-friġġ li ma kienitx daħlet. Qal li l-mara kienet ilmentat fuq id-dewmien. Madanakollu huwa fakkar li ma kellhomx x’jaqsmu ma’ appliances ħlief mas-sink, mixer u mal-hood.
Meta kienu se jwaħħlu l-hood sabu li l-punt tal-elettriku ma kienx lest u għalhekk kellhom jistennew li jsiru l-modifiki minn electrician u jerġgħu jmorru biex iwaħħlu l-hood. Kien hemm dewmien ukoll min-naħa ta’ kejl biex imorru għand il-kumpanija l-oħra jkejlu għat-tqegħid tat-table top, liema kejl jista’ jittieħed biss meta l-kċina tkun armata.
Qal pereżempju illi l-friġġ ma kienitx responsabbli għaliha l-kumpanija tiegħu u għalhekk ma kienetx taħti għall-fatt li ma qagħdietx sew mas-side panel. Madanakollu pruvaw jgħinuha bl-użu ta’ filler żgħir sabiex il-fridge tiġi qisha built-in.
Madanakollu l-mara ma kienetx kuntenta u bdiet targumenta ma’ ċertu mpjegata tal-kumpanija li dak iż-żmien kienet biss salesperson (illum però hija showroom manager) u eventwalment l-argument wasal għandu u kien għalhekk li ddeċieda li jiffissa laqgħa mal-koppja.
Wara li ġiet installata l-kċina l-mara ma kienitx kuntenta biha għal diversi raġunijiet fosthom dawk l-affarijiet indikati fil-jobsheet. Madanakollu saħaq li kif jidher mir-ritratti m’huwiex il-każ li ħallew xi xogħol mhux lest u li kien jonqos biss kienu l-affarijiet indikati fil-jobsheet.
Sadanittant il-kċina żżarmat minħabba li l-koppja ma kienitx żammet mattermini tal-pagament billi meta ntalbet tagħmel it-tieni pagament, ħallset biss €2,000 minflok € 8,000. Qal li hu għandu responsabiltà lejn il-kumpanija u meta tqis illi dan il-ħlas kellu jsir saħansitra qabel l-installazzjoni, l-aġir tal-koppja xegħel bozza ħamra internament u għalhekk ħa deċiżjoni li l-kċina tittieħed lura.
Fi kliemu, ipprefera li l-kċina bħala proprjetà tal-kumpanija tibqa’ għandhom sakemm isir il-ħlas kollu. Tenna li l-koppja kienet marret l-uffiċju ta’ Vella Falzon u kienet “rightly so” irrabbjata. Flimkien magħha kien hemm xi qarib jew ħabiba. Huwa daħħalha fil-maħżen biex juriha li l-kċina kienet għadha hemmhekk sħiħa bl-irħam lest u bl-affarijiet kif kellhom jiġu.
Kienu tkellmu u skuża ruħu għall-inkonvenjent li parti minnu kien tort tal-kumpanija u parti minnu ma kienx. Huwa offra li jikkumpensaha tad-dewmien billi jtiha skont ta’ €500. Tenna li l-koppja aċċettat u ftehmu biex jagħmlu appuntament sabiex terġa titwaħħal il-kċina.
Hekk kif telqet il-maramill-uffiċċju tiegħu huwa ċempel lill-impjegata u qalilha bil-ftehim. Madanakollu sussegwentement il-mara kienet bagħtitilha messaġġ biex tgħidilha li minkejja l-ftehim, il-kċina xorta ma
kienetx tridha.
Il-koppja fetħet il-kawża wara li qalet li l-kumpanija naqset milli tonora l-obbligi tagħha skont il-ftehim bejn il-partijiet. Huma sostnew li dan in-nuqqas wassal għal danni u inkonvenjenzi li kellhom iġarrbu waqt xogħlijiet relatati mal-proprjetà tagħhom. Il-kumpanija, min-naħa tagħha, ċaħdet li kienet naqset mill-obbligi u sostniet li aġixxiet skont il-kundizzjonijiet miftiehma.
Il-Qorti eżaminat il-provi dokumentarji u x-xhieda mressqa miż-żewġ naħat, inkluż il-kuntratt u l-korrispondenza bejn il-partijiet, sabiex tiddetermina x’kienu eżatt l-obbligi assunti u jekk kienx hemm ksur ta’ dawn l-obbligi. Fl-analiżi tagħha, il-Qorti enfasizzat il-prinċipju li kuntratt għandu jiġi interpretat skont il-kliem tiegħu u l-intenzjoni ċara tal-partijiet, u li l-prova trid tkun konvinċenti sabiex tiġi stabbilita responsabbiltà ċivili.
Wara li kkunsidrat iċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, il-Qorti waslet għall-konklużjoni li kien hemm nuqqas minn naħa tal-kumpanija fil-mod kif twettaq il-ftehim, u għalhekk laqgħet parzjalment it-talbiet tal-koppja. Ġie ordnat li jitħallas kumpens favur Brian u Mary Anne Woollard, filwaqt li talbiet oħra li ma ġewx ippruvati biżżejjed ġew miċħuda.
Il-Qorti ċaħdet dik il-parti tat-talba tal-koppja għall-likwidazzjoni tad-danni sofferti minnha iżda tilqa’ dik il-parti tal-istess talba li tirrigwarda rrifużjoni tal-ammont ta’ €8,780 imħallsa minnhom lill-kumpanija, b’mod li allura tiddikjara illi l-kumpanija hija debitriċi fl-ammont imsemmi rappreżentanti flejjes imħallsa lilhom akkont tal-prezz tal-kċina u appliances mibjugħa, liema bejgħ ġie sussegwentement mitmum bir-rieda tal-partijiet.
Il-kumpanija ġiet ordnata tħallas l-ammont imsemmi bl-imgħaxijiet legali dekoribbli mit-3 ta’ Ottubru 2023. Il-koppja għandhom ukoll jagħmlu disponibbli lill-kumpanija sabiex tiġbor mingħandhom kwalsiasi oġġetti mixtrija li jista’ jkun għadhom fil-pussess tagħhom. Il-każ instema’ quddiem il-Maġistrat Victor G. Axiak.
//= $special ?>

