Lokali

Malta tista’ tagħmel aħjar, u l-Maltin jistħoqqilhom aħjar

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Alex Borg jippreżenta l-pjan tiegħu għal Malta ‘l Quddiem waqt id-dibattitu parlamentari fuq il-miżuri tal-Budget 2026

Waqt id-dibattitu fil-Parlament dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri tal-Budget 2026, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg illejla saħaq li l-kejl veru ta’ pajjiż ma jsirx bil-grafika, in-n-numri jew bl-istqarrijiet, iżda bil-kwalità tal-ħajja tan-nies.

Huwa sostna li l-politika trid titlaq mir-realtà li qed jgħixu l-familji Maltin u Għawdxin – familji li jaħdmu u xorta ma jaslux, żgħażagħ li jħossuhom imwaħħlin, u anzjani li jibdew jiddubitaw jekk il-pensjoni hix se twassal sal-aħħar tax-xahar.

Ir-realtà li qed iħossu n-nies

Il-Kap tal-Oppożizzjoni enfasizza li l-problemi li qed iħossu n-nies huma konkreti u ta’ kuljum:

  • Sigħat twal mitlufa fit-traffiku, li jisirqu ħin prezzjuż mill-familji,
  • Għoli tal-ħajja li qed jikkonsma l-pagi malli jidħlu,
  • Pressjoni kontinwa biex jaħdmu aktar sigħat u jagħmlu aktar sagrifiċċji,
  • Inqas stabbiltà u inqas serħan il-moħħ.

Huwa qal li din mhijiex perċezzjoni, iżda r-realtà ta’ min jaħdem bis-serjetà, iħallas it-taxxi tiegħu u xorta jħoss li qed jibqa’ lura.

Mudell li tilef il-bilanċ

Alex Borg sostna li l-problema mhijiex in-nuqqas ta’ riżorsi, iżda li l-pajjiż tilef il-bilanċ. Filwaqt li hemm tkabbir ekonomiku, dan mhux qed jissarraf biżżejjed fi kwalità ta’ ħajja aħjar.

Huwa wissa li għandna mudell ekonomiku li jitlob ħafna u jagħti lura ftit – mudell li qed jikkonsma l-ħin tal-familji, iżid il-pressjoni mentali u jnaqqas il-kwalità tal-ħajja. Mudell li qed iġiegħel lin-nies jgħixu biex jaħdmu, flok jaħdmu biex jgħixu. Dan, saħaq, mhuwiex sostenibbli la ekonomikament u lanqas soċjalment.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni fakkar li r-responsabbiltà finali għall-implimentazzjoni tal-miżuri tal-budget hija tal-Gvern tal-ġurnata, iżda sostna wkoll li l-Oppożizzjoni għandha d-dmir li mhux biss tidentifika l-problemi, iżda toffri soluzzjonijiet konkreti.

Ħames prijoritajiet ċari u prattiċi

F’dan il-kuntest, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg ippreżenta ħames prijoritajiet ewlenin:

  1. Ekonomija li tgħolli l-kwalità tax-xogħol – inqas dipendenza fuq sigħat twal, aktar investiment fil-ħiliet u f’setturi ta’ valur miżjud, u pagi li jlaħħqu mal-ħajja;
  2. Għajnuna effettiva kontra l-għoli tal-ħajja – miżuri li jinħassu fil-bwiet ta’ min jaħdem u ta’ min hu vulnerabbli, mhux simboliżmu;
  3. Politika ta’ akkomodazzjoni li taħdem għan-nies – biex iż-żgħażagħ u l-familji jkunu jistgħu jippjanaw il-futur tagħhom b’ċertezza;
  4. Edukazzjoni li tħejji għall-ħajja – sistema li tagħti ħiliet, flessibbiltà u opportunitajiet reali lill-ġenerazzjonijiet li ġejjin;
  5. Sistema tas-saħħa li tpoġġi lill-pazjent fiċ-ċentru – servizzi li jaslu fil-ħin u pjan serju biex tiġi indirizzata s-saħħa mentali bl-azzjonijiet, mhux bil-kliem.

Huwa sostna li dawn mhumiex slogans, iżda soluzzjonijiet realistiċi u fattibbli.

Politika mibnija fuq il-valuri

Fl-intervent tiegħu, Alex Borg enfasizza li l-politika trid terġa’ tkun mibnija fuq il-ġustizzja, id-dinjità u l-futur.

Ġustizzja biex ħadd ma jaqa’ lura. Dinjità biex ix-xogħol jerġa’ jagħti ħajja u mhux jisraqha. Futur biex uliedna jagħżlu li jibqgħu hawn, jaħdmu hawn u jibnu l-familji tagħhom hawn.

Huwa temm jgħid li Malta tista’ tagħmel aħjar, għax in-nies jistħoqqilhom aħjar – politika li tisma’, tifhem u twettaq.

Il-Partit Nazzjonalista, qal il-Kap tal-Oppożizzjoni, lest jerfa’ r-responsabbiltà b’serjetà, b’għaqal u b’fiduċja sħiħa fil-poplu Malti u Għawdxi, b’direzzjoni ċara għal Malta ’l Quddiem.