Matul is-Sajf li ġej il-linja tal-ajru RyanAir ħabbret li se tkun qed iżżid 4 rotot ġodda diretti lejn Malta – minn Gothenburg, Newcastle, Palma u Tirana.
Dan tħabbar mill-Kap Eżekuttiv ta’ RyanAir Michael O’Leary waqt koferenza tal-aħbarijiet l-Erbgħa filgħodu fejn insista li t-tkabbir f’termini ta’ traffiku ta’ passiġġieri se jiżdied għal 6 miljuni, żieda ta’ 20%.
Ġie spjegat li waqt li r-rotot tal-linja tal-ajru Irlandiża lejn Malta issa żdiedu għal 70 waħda, qed jiġi nnotat li t-turisti qed jagħżlu li jżuru lil pajjiżna matul is-sena kollha. Dan hekk kif qed jagħżlu lil Malta bħala destinazzjoni li jistgħu jqattgħu fiha erbat’ijiem ta’ rilassament, u jgawdu wkoll ix-xemx fix-Xitwa, għad-differenza ta’ pajjiżi fit-tramuntana tal-Ewropa bħar-Renju Unit u l-Iskandinavja.
Intant, Net News staqsa lil Michael O’Leary dwar l-isfida li diversi linji tal-ajru qed iħabbtu wiċċhom magħha – ċioè l-konsum ta’ droga u alkoħol minn naħa tal-passiġġieri abbord l-ajruplani.
Huwa insista li din hija problema reali, u li hemm bżonn ta’ koperazzjoni sħiħa bejn l-awtoritajiet lokali kif ukoll l-ajruporti madwar l-Ewropa.
Insista li sakemm passiġġier ma jibdiex jixxengel jew jagħmel kjass sħiħ, diffiċli li jiġi nnotat li jinsab fis-sakra jew taħt l-effett ta’ xi tip ta’ sustanza illeċita.
O’Leary tenna li hemm bżonn li bħal ma jkun hemm limitu impost ta’ kemm persuna tista tixtri sigaretti jew alkoħol mid-duty free, jkun hemm impożizzjoni dwar kemm jinbiegħ alkoħol mill-barijiet tal-ajruporti.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ RyanAir saħaq li sa ftit tal-jiem ilu, membru tal-ekwipaġġ sofriet ġrieħi gravi wara li fi Spanja, passiġġier li kien taħt l-influwenza ħebb għaliha u saħansitra ta daqqa ta’ ras f’wiċċha.
Huwa temm jgħid li għalkemm dawn il-persuni jkunu pprojbiti għal għomorhom milli jivvjaġġaw mar-Ryan Air, xorta waħda jistgħu jitilgħu la darba jbiddlu n-numru tal-karta tal-kreditu tal-bank, jew saħansitra l-passaport.
Għalhekk appella għal aktar koperazzjoni effettiva bejn il-linji tal-ajru, l-ajruporti u l-awtoritajiet lokali tal-pajjiżi Ewropej.
//= $special ?>

