Internazzjonali

Mużika: Terġa’ tissemma l-possibbiltà li l-mewt ta’ Kurt Cobain kien ir-riżultat ta’ omiċidju

Investigazzjoni mhux uffiċjali dwar il-mewt, 30 sena ilu, ta’ Kurt Cobain — il-kantant tal-grupp Nirvana –tissuġġerixxi li r-rocker famuż seta’ spiċċa vittma ta’ omiċidju.

Cobain kien irrappurtat mejjet fil-5 ta’ April tal-1994…Hu kien għad għandu biss 27 sena.

Mewtu, intant, hi reġistrata bħala suwiċidju u wara li l-katavru kien instab b’tir ta’ arma sparata mill-viċin…Sejba li kienet saret fir-residenza tal-istess kantant, fil-belt ta’ Seattle.

Fil-preżent, skwadra privata ta’ xjenzati forensiċi qed jinvestigaw mill-ġdid il-każ ta’ Cobain bl-għajnuna ta’ Brian Burnett — espert dwar il-każi ta’ ‘overdoses’ u sitwazzjonijiet ta’ trawma fil-ġisem li huma relatati mal-isparaturi.

Hemm ukoll is-sorsi li kwotaw lil Burnett li, wara analiżi preliminarja, iddikjara s-sitwazzjoni ta’ Kurt Cobain bħala ‘omiċidju’ — fost il-kumment ‘li hemm bżonn issir xi ħaġa fid-dawl tal-iżviluppi’.

L-esperti forensiċi, wara li studjaw mill-ġdid ir-rekords tal-awtopsja fuq Cobain, sabu xi aspetti li huma inkonsistenti mal-verdett tal-mewt uffiċjali…Hemm anki suġġeriment li l-kantant seta’ klien ikkonfrontat minn ‘xi aggressuri li sfurzawh biex jieħu overdose tal-eroina biex jinkapaċitawh u fejn, imbagħad, xi ħadd minnhom spara lejn ras Cobain’… Dan qabel ‘huma’ ħallew warajhom nota ta’ suwiċidju qarrieqa.

Brian Burnett, min-naħa tiegħu, insista li l-awtopsja l-ġdida żvelat numru ta’ ‘red flags’ fis-sens li Cobain, ‘fiċ-ċirkustanzi’ ma setax imut immedjatament minn tir fir-ras…. L-espert spjega li l-organi ta’ Cobain dehru bi sfreġju li jindika li kienu ‘neqsin mill-ammont ta’ ossiġnu aċċettabbli’ … Sitwazzjoni fejn it-tmermir tal-moħħ u l-fwied ikun dovut għal overdose u fuq livell li ma jistax iseħħ b’riżultat ta’ sparatura fatali.