Victor Camilleri
Eks Editur ta’ In-Nazzjon u Il-Mument
Bi kburija…
Meta nitkellmu dwar il-falliment tal-proposta tal-Integration, 70 sena ilu, malajr wieħed jassoċja dak l-episodju ma’ dak li x’aktarx kien l-akbar falliment politiku ta’ Dom Mintoff.
Hemm, iżda, lat ieħor, ħafna aktar pożittiv u sinifikanti, u dan hu l-fatt li l-falliment ta’ din il-proposta li riedet tgħaqqad lil ġensna ma’ dak li kien il-kolonizzatur ta’ pajjiżna, kien riżultat dirett ta’ oppożizzjoni tenaċi u ġenwina ta’ parti kbira mill-poplu li obdiet id-direttiva tal-PN biex fir-Referendum tal-11 u 12 ta’ Frar 1956 jew jibbojkottja l-votazzjoni jew, jekk imur, jivvota LE.
Ir-riżultat finali ta’ din il-ġrajja kien, għaldaqstant, ifisser li l-poplu flimkien mal-Partit Nazzjonalista, waqqfu ħesrem proposta li kienet tinnewtralizza poplu sħiħ u treġġgħu għal meta kien maħkum minn potenza barranija.
Altru li nfakkru dak l-anniversarju BI KBURIJA.
Il-mixja lejn il-falliment tal-Integration
Illum qed infakkru s-70 anniversarju mir-Referendum dwar l-Integration (11 u 12 ta’ Frar, 1956). Dan li ġej hu rakkont qasir dwar il-proċess kollu.
Bidu tas-snin 50 – pressjoni soċjali u ekonomika wara l-gwerra
Malta tiġi tiddependi aktar minn qatt qabel fuq l-infiq militari tal-Ingliżi f’pajjiżna. Jitqanqal b’saħħtu d-dibattitu politiku dwar soluzzjoni kostituzzjonali fit-tul.
1953 – 1954: L-ewwel passi ta’ Mintoff lejn Londra
Dom Mintoff, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Laburista, jippreżenta l-idea ta’ integrazzjoni mar-Renju Unit bħala mezz biex pajjiżna, skontu, jassigura stabbiltà ekonomika u soċjali.
1955: Il-PL jirritorna fil-gvern
Il-Labour jirbaħ l-elezzjoni bl-Integration bħala l-programm politiku ewlieni tal-mexxej tiegħu, Mintoff.
1955: Intensifikazzjoni tan-negozjati
Mintoff jitlob lill-Ingliżi rappreżentanza Maltija fil-Parlament Ingliż (House of Commons) u benefiċċji soċjali ekwivalenti għal dawk tal-Ingliżi.
Il-PN jidħol b’oppożizzjoni għall-proposta
Ġorġ Borg Olivier u l-PN jidħlu fix-xena billi jiddikjaraw li dik il-proposta hi theddida serja għall-identità u l-awtonomija Maltija. Isseħħ kampanja qalila u vjolenti mill-MLP biex tostakola lill-PN.
1956: Tħassib serju tal-Knisja
Il-Knisja Maltija, permezz tal-Arċisqof Mikiel Gonzi, tindika li l-valuri u l-istituzzjonijiet Kattoliċi jistgħu jkunu kompromessi b’dik il-proposta.
Jannar 1956 – Mintoff isejjaħ Referendum
Mintoff isejjaħ Referendum u, dlonk, il-Partit Nazzjonalista jsejjaħ lill-Maltin biex jew jibbojkottjawh jew jivvutaw LE.
11-12 ta’ Frar 1956 –
Bojkott effettiv
Eluf ta’ Maltin (ara r-riżultati hawn taħt) jieħdu l-parir tal-PN u jwettqu bojkott, jew ivvutaw LE. Dan ir-riżultat jixħet dubji serji dwar kemm kien wieħed li tista’ toqgħod fuqu.
L-Integration tisfuma wara r-Referendum
Il-Gvern Ingliż jirrealizza li r-Referendum ma kien qed jagħti l-ebda mandat għall-Integration u, b’hekk, il-proposta kienet dikjarata falluta.
1958 – 1962: Il-kollass finali
Mintoff jirriżenja f’April 1958 u, pass pass, pajjiżna jibda t-triq li tressqet lill-poplu mill-PN matul is-snin, dik lejn l-Indipendenza.

Il-mistoqsija tar-Referendum
A Fir-Referendum tal-11-12 ta’ Frar 1956, il-Maltin kellhom quddiehom din il-mistoqsija:
“Tapprova l-proposti kif jidhru fil-Gazzetta tal-Gvern ta’ Malta fl-10 ta’ Jannar 1956?”
(L-eletturi kienu mitluba jivvutaw IVA jew LE… Iva tfisser favur l-Integration u Le kienet tfisser kontra l-Integration).
Ir-riżultat tar-Referendum
Votanti Reġistrati: 152,783
Ivvutaw: 90,343 (59%)
Invalidi: 2,559
Ivvutaw IVA: 67,607 (77%)
Ivvutaw LE: 20,177 (23%)
(It-tournout baxx flimkien mal-vot LE kienu kunsidrati mill-Gvern Ingliż bħala nuqqas ta’ mandat nazzjonali)
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 11 ta’ Frar, 2026.
//= $special ?>

