Opinjoni

Opinjoni: L-edukazzjoni tibda qabel l-iskola

Ma nistgħux nitkellmu dwar il-kwalità offruta fiċ-Childcares jekk dawk impjegati jibqgħu jkunu sottovalutati
Ir-riċerka turi li t-tfal jidħlu aħjar fis-sistema edukattiva meta l-bżonnijiet emozzjonali, lingwistiċi u soċjali tagħhom jiġu kkunsidrati qabel kollox. Għalhekk, aktar minn kull aspett ieħor, għandna bżonn politika li tpoġġi l-benesseri tat-tfal infushom fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet

Justin Schembri
Shadow Minister għall-Edukazzjoni

Ma għandix l-intenzjoni li nidħol fil-mertu tal-argumenti dwar iċ-Childcare li ġab l-Isqof ta’ Għawdex ftit tal-ġimgħat ilu. Nifhem li l-argumenti favur u kontra għandhom dejjem ikunu valutati, imma rrid nafferma li l-aktar li laqatni minn dan id-dibattitu kien propju li Malta ntlaqtet sewwa minn dan id-diskors u ħafna espremiew l-opinjoni tagħhom.
Dan minnu nnifsu huwa xhieda tal-importanza li tali suġġett ikun diskuss bis-serjetà mingħajr ebda għata politika jew partiġġjana. Is-suġġett taċ-Childcare kont diġà tkellimt dwaru fil-Parlament u f’foras pubbliċi oħrajn għax inħoss li f’pajjiżna ma nagħtuhx biżżejjed importanza u valutazzjoni edukattiva, imma nqisuh biss bħala komodità għall-ġenituri li jaħdmu, u dan mhux biżżejjed.
Inqis li Malta tinsab f’mument deċiżiv f’dan ir-rigward tal-edukazzjoni bikrija. Is-sistema taċ-Childcare kif inhi llum ġiet mibnija f’kuntest fejn il-prijorità ewlenija kienet li tiffaċilita l-parteċipazzjoni tan-nisa fid-dinja tax-xogħol. Dan kien objettiv ekonomiku importanti u ta’ min jirrikonoxxih talli hu, iżda llum għandna evidenza xjentifika ċara li turi li l-ewwel snin tal-ħajja, b’mod partikolari l-ewwel sentejn, huma fundamentali għall-iżvilupp tal-moħħ, tal-lingwa, tas-sigurtà emozzjonali u tat-tagħlim tul il-ħajja.
Mela, minn kunċett li jxaqleb lejn l-aspett ekonomiku, issa rridu nibdew inqisu l-valur edukattiv. Għall-Gvern, dan ċertament mhuwiex.

Indawru d-direzzjoni
Kif sostnejt fid-diskors tal-baġit fil-Parlament bħala Shadow Minister għall-Edukazzjoni, għedt li hemm bżonn bidla strutturali u ċċentrata fuq kull tifel u kull tifla li jattendu ċ-Childcares. Dan għandu jkun ir-razzjonal.
Nifhem li mhuwiex faċli, wara snin inħarsu lejn dan il-livell bħala servizz anċillari għad-dinja ekonomika u progressiva tal-pajjiż, imma issa huwa l-mument li rridu ndawru d-direzzjoni. Din il-bidla trid tkun mibnija fuq ir-riċerka, l-esperjenza tal-familji u l-fehim modern (skont l-evidenza) tal-iżvilupp fit-tfulija bikrija. Jekk dan mhux se jkun il-prijorità, allura mhux qed nifhmu l-importanza tas-snin bikrin.
Inħoss li r-regolamenti eżistenti taċ-Childcares m’għadhomx jirriflettu biżżejjed ir-realtajiet tal-lum b’familji fejn iż-żewġ ġenituri jaħdmu, u fid-dawl tal-għarfien xjentifiku ferm aktar avvanzat dwar l-iżvilupp tat-tfal li għandna għad-dispożizzjoni tagħna.
Hemm bżonn reviżjoni urġenti li tħares lejn ir-ratios taċ-Childcares, il-kwalifiki taċ-Childcares (li jridu jkunu rikonoxxuti), il-kundizzjonijiet tax-xogħol, l-użu tal-lingwa Maltija u Ingliża, u l-impatt li tħalli din l-edukazzjoni fuq it-tfal b’mod ġenerali. Irridu nibdew inħarsu lejn iċ-Childcare bħala l-pedament għas-soċjetà futura tagħna u mhux bħala servizz estensiv għall-ekonomija.
Jidhirli li biex nibdew nagħtu servizz ta’ kwalità aħjar, għandna bżonn gruppi iżgħar f’kull ‘cohort’, li allura tfisser edukazzjoni aktar ċentralizzata u ta’ kwalità aħjar f’interazzjoni bejn l-edukaturi u t-tfal. Ir-riċerka internazzjonali turi li l-iżvilupp tal-lingwa u tal-moħħ jiddependi fuq interazzjonijiet frekwenti, responsivi u personali. F’kuntest fejn Childcarer ikollha wisq tfal jiddepednu mill-attenzjoni tagħha, dawn l-interazzjonijiet jonqsu u t-tfal jitilfu opportunitajiet kruċjali għat-tagħlim u r-rispons reazzjonali. Anqas tfal, ifisser ukoll aktar kontroll ta’ mard li f’dawn is-snin huwa kostanti.

L-iżvilupp fit-tfulija bikrija
F’dawn il-jiem li għaddew qamet diskussjoni ġdida dwar l-użu tal-lingwa f’dan il-livell. Għal darb’oħra l-Gvern ikkumerċjalizza l-argument għax l-interess tiegħu jibqa’ dejjem l-ekonomija.
Irridu nifhmu, li l-lingwa tiġi b’mod naturali daqskemm mhijiex. It-tfal jitgħallmu jitkellmu permezz ta’ dak li x-xjenza tirreferri għalih bħala ‘serve and return’, mela skambji kontinwi bejn it-tfal u l-adulti li jwieġbu, jisimgħu u jinkoraġġixxu dawn l-interazzjonijiet komunikattivi.
Dawn l-interazzjonijiet li jifformaw l-istruttura tal-moħħ huma importanti tassew u rridu nassiguraw li t-tfal tagħna jkunu esposti għalihom spiss u b’mod strutturat fil-kuntest taċ-Childcare.
F’dan il-kuntest, Charmaine Bonello esperta f’dal-qasam (u tajjeb nisimgħu aktar dak li qed tgħid!) f’artiklu riċenti fit-Times of Malta, tispjega b’mod ċar li l-kwistjoni mhijiex jekk it-tfal ikunux id-dar jew f’ċentru, iżda jekk ikollhomx adulti stabbli, sensittivi u mħarrġa sew li jinteraġġixxu magħhom kuljum (bil-lingwi li rriduhom jitgħallmu). Hi tenfasizza li l-kwalità tar-relazzjoni u l-konsistenza huma essenzjali għall-iżvilupp fit-tfulija bikrija.
Għalhekk, f’pajjiż bilingwu bħal Malta, għandu jkun obbligu u mhux bonus li ċ-Childcarers li jaħdmu fil-qasam ikollhom kompetenza fil-Malti u fl-Ingliż u taħriġ xieraq fl-iżvilupp tal-lingwa fit-tfal żgħar. Apparti minn hekk, irridu nagħmlu wkoll fokus fuq il-lingwa nazzjonali tagħna, il-Malti, li mhuwiex biss mezz ta’ komunikazzjoni, iżda parti mill-identità, mill-kultura u mis-sens ta’ appartenenza tat-tfal tagħna.
L-ewwel sentejn tal-ħajja huma perjodu sensittiv għall-akkwist tal-lingwa. F’dawn is-snin, it-tfal huma bijoloġikament preparati biex jassorbu l-ħsejjes, l-istruttura u t-tifsira tal-lingwa tagħhom. Meta dan il-proċess ma jkunx sostnut b’mod konsistenti, it-tfal jistgħu jibdew l-iskola b’nuqqasijiet li jkomplu jakkumulaw.
L-uża tal-lingwa b’mod korrett fl-ewwel snin jgħin lit-tfal jitgħallmu lingwi oħra aktar ’il quddiem, itejjeb il-ħiliet akkademiċi u jsaħħaħilhom il-kunfidenza. Għalhekk, il-preżenza attiva u kompetenti tal-Malti fiċ-Childcare għandha tkun standard nazzjonali, mhux bonus fakultattiv. L-Ingliż għandu l-importanza tiegħu, imma dan irid isir bil-għaqal u bil-ħsieb. Għal dan, għandna nħallsu mitlqu deheb u mhux bonus li għandu biss intenzjoni elettorali fqira, tipikament il-politika ta’ Robert Abela.
Ma nistgħux nitkellmu dwar il-kwalità offruta f’dawn iċ-ċentri jekk dawk impjegati fiċ-Childcares jibqgħu jkunu sottovalutati, imħallsin salarji minimi u bi ftit opportunitajiet ta’ żvilupp professjonali. Irridu għalhekk nirrikonoxxu li f’dan il-livell neħtieġu professjonisti kwalifikati u mħarrġa kontinwament biex nibdew nibnu s-soċjetà mill-etajiet bikrin.
In-nuqqas ta’ stabbilità, jiġifieri li nibqgħu naraw iċ-Childcares jinbidlu kontinwament, qiegħed ikollu impatt dirett fuq is-sigurtà emozzjonali tat-tfal fis-sistema. Biex ikollna sistema b’saħħitha, allura jeħtieġ li naraw aktar Childcarers stabbli, rispettati, imħarrġa kontinwament u mħallsin tajjeb ħafna.
Illum, il-kriterji tad-dħul fiċ-Childcare u fil-Kindergarten huma spiss bażati fuq l-impjieg tal-ġenituri. L-aċċess huwa importanti, iżda ma jistax ikun l-uniku kriterju. Ir-riċerka turi li t-tfal jidħlu aħjar fis-sistema edukattiva meta l-bżonnijiet emozzjonali, lingwistiċi u soċjali tagħhom jiġu kkunsidrati qabel kollox. Għalhekk, aktar minn kull aspett ieħor, għandna bżonn politika li tpoġġi l-benesseri tat-tfal infushom fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet.
It-tfal tagħna jistħoqqilhom sistema li tirrifletti l-aħjar għarfien xjentifiku u l-valuri tagħna bħala soċjetà. Kif tisħaq għalhekk, Charmaine Bonello, irridu nitkellmu aktar dwar ir-relazzjonijiet u l-istabbiltà li noffru lit-tfal fl-aktar snin delikati ta’ ħajjithom.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 11 ta’ Frar, 2026.