Futbol Sport

Rebħa faċli għal Manchester City fuq Fulham, Aston Villa jirritornaw jirbħu

(Ritratt: EPA)

Aston Villa rritornaw għar-rebħ wara żewġ partiti mingħajr rebħa hekk kif għelbu lil Brighton 1-0 permezz ta’ auto-gowl ta’ Jack Hinshelwood fis-86 minuta.

Ir-rebħa tal-Villians ma kienitx iċ-ċentru tal-attenzjoni għaliex f’din il-partita, l-eks midfielder ta’ Leeds United, Newcastle, Manchester City u Liverpool, James Milnes laħaq ir-rekord tal-eks captain ta’ Everton Gareth Barry fin-numru ta’ preżenzi fil-Premier League, li huwa ta’ 653.

Il-plejer ta’ 40 sena għadu f’kundizzjoni fiżika mill-aqwa u huwa possibli li fil-partita li jmiss ta’ Brighton kontra Brentford fil-21 ta’ Frar, huwa jikser uffiċjalment ir-rekord ta’ Barry u jsir l-iżjed plejer li lagħab partiti fil-Premier League.

F’partiti oħra mill-Premier, l-eks tim ta’ Milner, Manchester City ma sabu l-ebda’ diffikultà jegħleb lil Fulham hekk kif tlett gowls fl-ewwel taqsima waslu għat-tlett punti tas-Citizens, bil-gowls jaslu minn Semenyo, O’Reilly u Haaland.

Burnley ħadu r-raba’ rebħa staġjonali hekk kif għelbu lil Crystal Palace li għaddejin minn forma ħażina ħafna bħalissa, bl-iskor finali jkun dak ta’ 3-2.

Palace jiskorjaw darbtejn fl-ewwel 33 minuta permezz tal-akkwist il-ġdid Larsen, iżda Burnley irdoppjaw u ħadu l-vantaġġ fl-aħħar 5 minuti tal-ewwel taqsima permezz ta’ gowls minn Mejbri fl-40 minuta, Anthony fl-44 minuta u auto-gowl ta’ Lerma fil-45 minuta.

Nottingham Forest u Wolves temmew fi draw ta’ 0-0, riżultat xejn favorevoli għall-ebda tim li jinsab fi ġlieda intensiva kontra r-relegazzjoni ma timijiet oħra fosthom Burnley, West Ham United, Tottenham Hotspur u Leeds United.

Liverpool ħadu rebħa importanti fl-Istadium of Light biex żammew it-tama’ ta’ kwalifikazzjoni għall-UEFA Champions League ħajja meta għelbu lil Black Cats 1-0.

Il-gowl jasal ftit wara s-siegħa logħob permezz ta’ Virgil van Dijk.