Huma bosta l-fatturi li qed jillimitaw il-kwalità tal-ħajja f’Malta u Għawdex.
Dan intqal meta ġie mniedi studju li mexxiet il-Professur Anne-Marie Callus f’isem The Malta Trust Foundation – bl-isem ‘The Quality of Life of Visually Impaired Persons and their Families”.
Ir-riċerka eżaminat il-kwalità tal-ħajja ta’ persuni b’diżabilità viżiva u l-familji tagħhom permezz ta’ 45 intervista telefonika, intervisti fit-tul, focus groups u seminar ma’ 18-il rappreżentattiv ta’ diversi organizzazzjonijiet li jirrapreżentaw id-dinja tad-diżabilità.
Matul din il-konferenza, il-professur Callus spjegat ir-riżultati ta’ dan l-istudju u qalet li ħareġ ċar kif il-maġġoranza tal-persuni b’diżabilità viżiva huma indipendenti fid-djar tagħhom stess. Tant li jippreparaw ikliet, jimmaniġġjaw il-flus u jużaw teknoloġija assistiva bħal smartphones, screen readers, white canes u klieb gwida.
Iżda ladarba jkunu barra mid-dar, l-indipendenza tonqos b’mod drastiku.
Hawnhekk il-professur irreferiet għal fatturi esterni li jaffettwaw lil dawn in-nies – inkluż bankini mkissrin, ostakli fi ispazji pubbliċi, trasport pubbliku mhux aċċessibbli u barrieri diġitali li jirrestrinġu b’mod sinifikanti l-mobilità u l-parteċipazzjoni. It-trasportpubbliku ġie identifikat bħala l-inqas servizz aċċessibbli, filwaqt li l-online banking, l-apps u l-pjattaformi ta’ servizz għall-konsumatur qed joħolqu forom ġodda ta’ esklużjoni.
Min-naħa tagħha, il-Fundatriċi u President tal-Malta Trust Foundation, Marie Louise Coleiro Preca qalet
kif l-istudju jitlob għal aktar responsabbiltà, pjanar aħjar u aċċessibilità biex jiġi żgurat li l-mobilità, il-parteċipazzjoni u d-dinjità jkunu verament garantiti għal kulħadd.
Preżenti għal din il-konferenza kien hemm l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi kif ukoll il-Membru Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista Justin Schembri.
//= $special ?>

