Giuseppe Schepis ta’ 29 sena, minn Siracusa u residenti il-Qawra, instab ħati mill-Qorti tal-Maġistrati preseduta mill-Maġistrat Elaine Rizzo wara li ammetta l-akkużi miġjuba kontrih relatati mat-traffikar u l-pussess ta’ cannabis. Il-Qorti kkundannatu għal tliet snin priġunerija effettiva u multa ta’ €7,000, li jekk ma titħallasx tiġi konvertita f’terminu ta’ ħabs skont il-liġi.
Schepis kien akkużat li fl-1 ta’ Frar 2021 biegħ jew xort’oħra ttraffika l-pjanta tal-cannabis, kif ukoll li kellu fil-pussess tiegħu l-istess sustanza f’ċirkostanzi li jindikaw li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu. L-ammont ta’ droga involuta kien jammonta għal 872.22 gramma cannabis b’purità ta’ 23 fil-mija.
Fil-kors tal-proċeduri ġie ppreżentat rikors konġunt mill-Avukat Ġenerali u mill-imputat, li fih intalbet piena ta’ tliet snin ħabs u multa ta’ €7,000 f’każ ta’ ammissjoni. L-imputat irreġistra l-ammissjoni tiegħu fi stadju avvanzat tal-proċess, wara li kien ġie estradit lura lejn Malta, iżda qabel ma beda l-istadju tal-provi mid-difiża. Il-Qorti spjegatlu l-konsegwenzi legali tal-ammissjoni u tatu l-opportunità li jirtiraha, iżda huwa kkonfermaha.
Fid-deċiżjoni tagħha dwar il-piena, il-Qorti ħadet inkunsiderazzjoni n-natura u ċ-ċirkostanzi tal-każ, l-ammont u l-purità tad-droga, kif ukoll il-fatt li l-imputat kellu fedina penali netta. Ġie kkunsidrat ukoll li seta’ jibbenefika minn tnaqqis ta’ grad wieħed skont l-artikolu 29 tal-Ordinanza dwar il-Mediċini Perikolużi. Il-Qorti rrimarkat ukoll fuq il-konsegwenzi serji li seta’ kellha d-distribuzzjoni tas-sustanza fis-suq illegali kieku ma ġietx interċettata mill-pulizija.
Barra l-piena ta’ ħabs u l-multa, il-Qorti ordnat li mill-piena jitnaqqas il-perjodu li Schepis għamel taħt arrest preventiv kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta waqt li kien qed jistenna l-estradizzjoni tiegħu. Huwa ġie kkundannat ukoll iħallas l-ispejjeż tal-esperti li ammontaw għal €2,842.53.
Il-Qorti ordnat il-konfiska favur il-Gvern ta’ Malta tal-flejjes u l-proprjetà kollha tal-ħati, kif ukoll il-konfiska tal-oġġetti relatati mad-droga. Ġiet ordnata wkoll id-distruzzjoni tad-droga ladarba s-sentenza ssir definittiva, sakemm il-prosekuzzjoni ma tippreżentax nota fi żmien 15-il jum li tiddikjara li s-sustanza hija meħtieġa fi proċeduri oħra.
In-notifika tas-sentenza għandha tintbagħat lir-Reġistratur tal-Qrati u Tribunali Kriminali kif ukoll lill-Uffiċċju għall-Irkupru tal-Assi. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Mark Anthony Mercieca u Marshal Mallia.
//= $special ?>

