Il-Munich Security Conference huwa avveniment li jseħħ kull sena fi Munich fil-Ġermanja. F’dan l-avveniment ta’ tlett ijiem, mexxeja minn kull rokna tad-dinja jiltaqgħu biex jagħmlu diskorsi dwar l-iktar temi importanti fir-rigward tas-sigurtà.
Din is-sena l-konferenza ser isseħħ bejn it-13 u l-15 ta’ Frar u hija mistennija li titratta bosta temi inkluż l-Iran, l-Veneżwela, l-Ukrajna, r-relazzjoni transatlantika u l-infiq Ewropej fid-difiża. Il-konferenza hija mistennija li tilqa’ mill-inqas 10,000 parteċipant, inkluż kważi 70 mexxeja, 65 Ministri għall-Affarijiet Barranin, u 40 Ministri għad-Difiża.
Se jkun hemm fost l-oħrajn il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen, is-Segretarju tal-Istat Amerikan Marco Rubio, s-Segretarju Ġenerali tan-NATO Mark Rutte, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin taċ-Ċina Wang Yi, l-President Franċiż Emmanuel Macron, l-Prim Ministru Britanniku Keir Starmer, u l-President Ukren Volodymyr Zelensky.
Mexxej notevoli nieqes mil-lista huwa l-President Amerikan Donald Trump. Dan għaliex kemm taħt il-Presidenzi ta’ Trump u kemm taħt il-Presidenza ta’ Biden, l-President Amerikan m’attendiex il-konferenza iżda ġie rrappreżentat minn membru tal-kabinett tiegħu jew minn konsulent tal-President. Dan il-preċedent kien inkiser biss fl-2021 u fl-2022, meta l-President Joe Biden għamel id-diskors tiegħu b’mod virtwali kawża tal-pandemija globali tal-Covid.
Is-sena li għaddiet, il-Viċi President Amerikan JD Vance attenda f’isem il-President Trump fejn attakka u kkonfronta mexxeja Ewropej talli – skont hu – kienu qed jissuppressaw il-vuċi ħielsa fl-Ewropa. Dan l-attakk – inkluż oħrajn – kiseb attenzjoni tal-media globali u ġibed it-tifħir tax-xandar tal-Istat Russu.
Il-konferenza – li se tibda nhar il-Ġimgħa – hija mistennija li tiċċara fejn sejra r-relazzjoni transatlantika u x’tip ta’ world order se nkunu qed naraw fis-snin li ġejjin.
X’inhu mistenni mill-Munich Security Conference ta’ nhar il-Ġimgħa

Mexxej nieqes mil-lista huwa l-President Amerikan Donald Trump

